Raġel ta’ 44 sena nżamm arrestat wara li ġie mixli li ta n-nar vettura fil-Marsa f’Jum il-Milied tas-sena li għaddiet. Isam Mohamed El Shahumi, tressaq quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia b’rabta ma’ inċident li seħħ fi Triq il-Marsa.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-ewwel mandat t’arrest maħruġ fis-17 ta’ Jannar kien skada, hekk kif sa dakinhar il-pulizija ma kienx irnexxielha ssib is-suspettat.
L-Ispettur Mario Xiberras spjega li uffiċjali tal-pulizija waqt ronda li kienu qed jagħmlu fl-inħawi tal-Marsa kienu sabu vettura tat-tip Renault Megane, li kienet ingħatat in-nar.
Minn aktar investigazzjonijiet, anke permezz ta’ filmati tas-CCTV, irriżulta li n-nar li tqabbad kien intenzjonat. Is-suspettat jidher ukoll li kien wasal fuq il-post b’vettura mikrija.
Wara li l-pulizija kienu rċevew informazzjoni fejn l-imputat kien qed joqgħod, inħareġ it-tieni mandat t’arrest u huwa ġie arrestat matul il-jum tal-Erbgħa. Huwa lbieraħ ġie mixli li b’mod volontarju ta n-nar vettura, għamel ħsara fil-proprjetà ta’ terzi, saq vettura mingħajr liċenzja tas-sewqan u polza tal-assigurazzjoni kif ukoll li sar reċediv.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu iżda nżamm arrestat wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna u Elisia Scicluna megħjuna mill-Avukati Daniel Tabone u Joseph Azarov mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb dehru għall-imputat.