Saturday, November 9, 2024

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li daħal fih u heddu b’mus fil-Mosta

Aqra wkoll

Stephen Galea ta’ 44 sena baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat li fil-lejl ta’ bejn it-3 u l-4 ta’ Diċembru meta kien il-Mosta kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

L-Ispettur li ressaq lir-raġel il-Qorti sostna li fl-aħħar sigħat raġel mar għand il-Pulizija jgħid li kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Mosta u li raġel daħal fih u heddu b’mus. L-Ispettur qal ukoll li dan ir-raġel ħa n-numru tar-reġistrazzjoni tal-karozza li nstab li hija tal-akkużat, Stephen Galea, u ta deskrizzjoni li taqbel mal-akkużat.

Hu kompla jgħid li b’hekk Galea kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu li kellu jkun id-dar bejn 8pm u 7am. Kien nhar is-Sibt li għadda li Galea ġie arrestat.
Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest u qalet li ż-żewġt irġiel ma jafux lil xulxin. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat u qalet li l-akkużat mhuwiex ta’ min jafdah u dan jidher mill-fedina penali tiegħu, u wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ċaħdet it-talba għall-ħeslien mill-arrest minħabba x-xhieda pajżana li fadlilhom jixhdu.

Sport