Friday, December 20, 2024

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li ħebb għas-sieħba tiegħu

Aqra wkoll

Luke Vella ta’ 26 sena minn Ħaż-Żabbar baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati ta’ diversi akkużi marbuta ma’ vjolenza domestika fuq omm bintu f’San Pawl il-Baħar.

Dan hekk kif allegatament fit-30 ta’ Jannar ħebb u weġġa’ lis-sieħba tiegħu waqt argument. 

Huwa tressaq il-Qorti llum quddiem il-Maġistrat tal-għassa Dr Lara Lanfranco fejn instema’ kif il-vittma marret tagħmel rapport l-għassa tal-Qawra b’kobba xagħar f’idha li wara irriżulta li kien tagħha.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-vittma sostniet li l-argument allegatament seħħ wara li oħtha ċemplitilha minn numru privat. 

Minħabba f’hekk, Vella ħaseb li kien qed iċemplilha raġel ieħor u anke meta l-vittma poġġiet lil oħta fuq speaker biex jismaha, Vella xorta waħda ma kienx sodisfatt minn dan.

Kien hawn fejn l-Ispettur Hayman qal li Vella ħebb għalija, prova jifgaha, qalalgħa ponn xagħar, kisser il-mobile u tant għafsilha għonqha li ħarġilha t-tbenġil.

Id-difiza talbet għall-ħelsien mill-arrest bil-prosekuzzjoni toġġezjona għal din it-talba. Fost l-oħrajn il-prosekuzzjoni qalet li hemm il-biza’ li l-akkużat jew ommu jagħmlu kuntatt mal-allegat vittma jew li jsir xi reat ieħor. L-Ispettur Hayman qal li n-natura tar-reati huma gravi u li Vella kiser erba’ sentenzi tal-ħelsien mill-arrest.

Apparti mit-talba għall-ħelsien mill-arrrest, id-difiża resqet l-argument li Vella jinżamm fl-isptar Monte Karmeli fejn sostniet li, minħabba l-istat ta’ saħħa mentali tiegħu, huwa ma jinsabx f’kundizzjoni li jmur il-ħabs.

Il-Maġistrat Lanfranco rrakomandat lid-direttur tal-ħabs biex isir eżami mediku tal-imputat u jiġi deċiż minn naħa tiegħu fejn għandu jitteħed Vella skont ir-riżultati li joħorġu mill-eżami mediku.

Il-Qorti ikkunsidrat in-natura tal-akkużi, il-ksur ta’ kundizzjonijiet marbuta ma’ ħelsien mill-arrest preċedenti, u l-karattru tal-akkużat, fost l-oħrajn u għalhekk ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Maġistrat Lanfranco ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.

Ekonomija

Sport