Raġel ta’ 39 sena minn Ħaż-Żebbuġ inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fejn ġie mixli li ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu. Barra min hekk huwa kien akkużat ukoll li ffastidjaha u li kiser kundizzjonijiet mogħtija mill-Qorti fir-rigward tal-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni spjegat fil-Qorti kif l-imputat ġie arrestat s-Sibt filgħaxija. Dan hekk kif il-Ġimgħa, inħareġ mandat ta’ arrest kontra r-raġel, wara li daħlilhom rapport ta’ theddid li sar mill-eks sieħba.
Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel, wara li ntemmet ir-relazzjoni ta’ bejniethom, bagħat ammont sostanzjali ta’ messaġġi lill-eks sieħba fuq il-midja soċjali, fejn fihom allegatament hedded ukoll li se jispara fuqha u fuq il-familja tagħha. Fost allegat theddid ieħor kien hemm li jitfgħalha l-aċtu biex ma jirnexxieliex tara lit-tifla tagħha li din is-sena se tkun qiegħda tagħmel il-praċett.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Victor Axiak ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat u għaldaqstant inżamm taħt arrest preventiv.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Colin Sheldon.