Raġel ta’ 43 sena residenti Raħal Ġdid wieġeb mhux ħati hekk kif tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia fejn ġie mixli li kiser ordni ta’ protezzjoni li kienet inħarġet inqas minn xahar ilu, meta allegatament daħal f’dar l-eks sieħba tiegħu minkejja l-projbizzjoni li jersaq lejha.
Kien fit-13 ta’ Novembru ta’ din is-sena meta r-raġel kien tressaq il-Qorti din id-darba quddiem il-Maġistrat Ann Marie Thake fejn kien akkużat bi vjolenza domestika.
Dakinhar ir-raġel kien akkużat li ta daqqa ta’ ponn lis-sieħeba tiegħu u min-naħa tagħha kienet tagħtu daqqa ta’ skwiżer. Il-Qorti dakinhar kienet ċaħdet l-akkużi reċiproċi ta’ feriti ħfief fuq xulxin bejn il-koppja fejn qalet li ““mhumiex tajbin għal xulxin”. Dakinhar il-Qorti kienet ħarġet ordni ta’ protezzjoni.
L-Ispettur Sherona Buhagiar spjegat quddiem il-Qorti li kien nhar l-Erbgħa li għadda l-mara kienet marret tagħmel rapport l-Għassa tal-Pulizija fejn allegat li xi ħadd kien ħabbat fuq il-bieb tad-dar, u meta marret tiftaħ sabet lill-imputat quddiem ir-residenza.
Hija kienet qaltlu biex jitlaq minn quddiem id-dar, iżda hu nsista li xtaq li jixtrilha xi ħaġa.
Minkejja li kompliet tgħidlu biex jitlaq, hu qabad u daħal id-dar u allegatament ħa ċ-ċwievet tal-istess residenza. Meta waslu l-pulizija, hu kien diġà telaq, iżda ġie arrestat ftit wara f’daru.
Il-prosekuzzjoni argumentat li l-akkużat kien diġà tressaq quddiem il-Qorti inqas minn xahar ilu u kellu jifhem b’mod ċar li ma setax jersaq lejn l-eks sieħba tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni qalet li minkejja li din id-darba ma seħħet l-ebda vjolenza, il-fatt li resaq qribha u daħal fid-dar tagħha juri li l-kundizzjonijiet ma ġewx osservati. Hija enfasizzat li l-mara għadha trid tixhed u li kien hemm biża’ li l-akkużat jerġa’ jikkommetti reat, u saħqet li “jeħtieġ għajnuna u jrid jifhem li ma jistax jagħmel dawn l-affarijiet”.
Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest fejn il-Qorti qalet li f’dan l-istadju din it-talba kienet qiegħda tiġi miċħuda.

