Ingliż ta’ 41 sena residenti Għajnsielem baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli li kkaġuna l-mewt ta’ Joey Cutajar sewwieq ta’ mutur li tilef ħajtu fi Triq Borg Għarib nhar il-Ħamis 12 ta’ Frar.
Dominic Peter Hedges ġie akkużat li fil-ġurnata msemmija għall-ħabta tas-6.30pm b’nuqqas ta’ ħsieb u bi traskuraġni kkaġuna l-mewt ta’ Joey Cutajar ta’ 44 sena residenti n-Nadur.
L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi.
Hedges ġie akkużat ukoll li saq vettura b’veloċità eċċessiva kif ukoll li kien se jbiddel id-direzzjoni jew jaqbeż vettura oħra fit-triq imsemmija.
L-Avukat Dr Carmelo Galea li mexxa d-difiża talab għall-ħelsien mill-arrest, liema talba sabet l-oppożizzjoni tal-Ispettur Keith Xerri. Il-Maġistrat Jean Paul Grech wara li sema’ liż-żewġ naħat ċaħad il-ħelsien mill-arrest, u ordna li Hedges jibqa’ jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Dr Mauro Abela u Dejan Darmanin f’isem l-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Keith Xerri.
L-Avukat Dr Carmelo Galea mexxa d-difiża filwaqt li l-avukat Dr Kevin Mampalao deher għall-familjari tal-vittma.

