Tuesday, December 24, 2024

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li wettaq żewġ hold-ups f’inqas minn 24 siegħa

Aqra wkoll

Clive Micallef, raġel ta’ 38 sena, baqa’ jinżamm arrestat wara li dalgħodu huwa tressaq il-Qorti mixli li wettaq żewġ hold-ups f’inqas minn 24 siegħa li allegatament twettqu bejn nhar l-Erbgħa u l-Ħamis illi għadda.

Ilbieraħ filgħodu, il-Pulizija rċeviet rapport li f’Ħal Qormi kien hemm persuna li x’aktarx kienet għadha kemm sgassat vettura pparkjata u serqet xi affarijiet minnha. Minnufih marru l-pulizija u fil-post arrestaw lil Micallef.

Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-istess persuna, fl-24 ta’ Novembru, allegatament wettqet hold-up f’ħanut fi Triq Santu Wistin, San Ġiljan u l-għada, l-25 ta’ Novembru allegatament wettqet hold-up ieħor f’ħanut fi Triq it-Tin, Ħal Qormi.

Fil-Qorti nstema kif fil-25 ta’ Novembru filgħaxija, Micallef daħal f’ħanut tal-merċa armat b’sikkina fejn allegatament seraq flus kontanti u oġġetti oħrajn.

L-imputat talab għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni hekk kif sostniet li dawn il-każijiet ta’ serq huma serji. Dan marbut mal-fatt li l-Prosekuzzjoni qalet ukoll li baqa’ persuni li għandhom jixhdu filwaqt li ddeskriviet il-fedina penali tiegħu bħala waħda kkulurita.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia.

Ekonomija

Sport