Sunday, December 22, 2024

Jinżamm arrestat wara li nqabad jipprova jisraq minn ħanut f’Raħal Ġdid

Aqra wkoll

Isaac Grech ta’ 23 sena nżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq il-Qorti mixli li pprova jisraq minn ħanut f’Raħal Ġdid.Il-każ seħħ il-Ħadd li għadda għall-ħabta tad-9.00 p.m., xħin il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm raġel suspettuż liebes hoodie u maskra f’ħanut fi Triq Ħaż-Żabbar.

Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post u kif daħlu fil-ħanut sabu lill-kaxxiera, li kienet tidher imbeżża’, kif ukoll lir-raġel. Ir-raġel mill-ewwel ħareġ jiġri ‘l barra bil-Pulizija ġrew warajh u bdew ituh ordnijiet biex jieqaf iżda huwa injora l-ordnijiet.

Il-Pulizija rnexxielha taqbdu imma hu baqa’ jirreżisti. Waqt li kien qed jirreżisti innutaw li kellu sikkina fuqu, u għalhekk kellu jintuża t-taser biex ir-raġel jiġi kkontrollat u jiġi arrestat.

Minn stħarriġ li sar jidher li r-raġel kien daħal fil-ħanut, hedded lill-kaxxiera, mara ta’ 27 sena, b’sikkina u talabha l-flus, iżda f’dak il-ħin waslu eżatt il-Pulizija.

Meta tressaq quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt, l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, iżda baqa’ jinżamm arrestat wara li kellu t-talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda mill-Qorti.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit u Antonello Magri. L-Avukat Mattia Felice deher għal Grech.

Ekonomija

Sport