Friday, June 14, 2024

Jinżamm arrestat wara li pprova jisraq €500 minn ħanut tal-merċa fil-Ħamrun

Aqra wkoll

Jimale Hassan Abdullah, Somalu ta’ 35 sena li fil-Qorti qal li jgħix il-Ħamrun kif ukoll li ma jaħdimx, ġie akkużat li pprova jisraq €500 fi flus kontanti li kien hemm taħt cash register minn ħanut fil-Ħamrun.

Abdullah tressaq il-Qorti l-Ħadd filgħodu fejn ġie akkużat quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia li nhar is-Sibt li għadda, għall-ħabta tas-7.00 a.m., ipprova jisraq il-flus imsemmija minn ħanut bl-isem ta’ ‘Taste of Africa’ fil-Ħamrun.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li hu nqabad minn wieħed mill-impjegati u anke deher jagħmel dan ir-reat f’wieħed mill-filmati tas-CCTV li hemm fl-istess ħanut. Flimkien ma’ impjegat ieħor tal-istess ħanut, żammewh milli jitlaq ‘il barra sakemm fuq il-post waslu uffiċjali tal-Pulizija mill-Għassa tal-Ħamrun u arrestawh fuq il-post.

Is-Somalu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, fost l-oħrajn li sar riċediv.

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Difensur Martin Farrugia kkontesta l-validità tal-arrest, iżda wara li l-Qorti rat sew il-filmati tas-CCTV, il-Maġistrat iddeċieda li l-arrest hu wieħed validu u skont il-liġi.

Id-Difiża talbet biex l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għax hemm il-biża’ li jaħrab għax m’għandux indirizz fiss kif ukoll li l-fedina penali tiegħu turi li mhux affidabbli. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużat ħareġ mill-ħabs għaxart ijiem ilu u li għalhekk hemm biża’ li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest jikkommetti reat ieħor.

Min-naħa tagħha, id-Difiża qalet li m’hemmx evidenza li pprova jisraq għax skont dak li qallu l-akkużat kien se jħallas għal dak li kien se jixtri. Sostna wkoll li filwaqt li l-fedina penali tiegħu mhux nadifa, persuna tista’ tinbidel u mhux neċessarjament li għax wettqet reat darba se terġa’ twettaq reat ieħor.

Il-Qorti, wara li semgħet lill-partijiet jittrattaw, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq il-bażi li l-akkużat m’għandux rabtiet ma’ Malta. Il-Qorti qalet ukoll li l-akkużat għandu fedina penali kkulurita u li baqa’ aktar xhieda li għad iridu jixhdu fil-Qorti.

Dan kollu, qalet il-Qorti, ma jagħtix serħan il-moħħ li l-akkużat se jobdi l-kundizzjonijiet imposti fuqu. Għalhekk, minħabba dawn ir-raġunijiet, il-Qorti qalet li l-akkużat għandu jibqa’ jinżamm arrestat.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elisia Scicluna megħjuna mill-Avukat Nicole Marie Sladden mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Ekonomija

Sport