Ġuvni ta’ 21 sena residenti l-Gudja inżamm arrestat, wara li tressaq il-Qorti akkużat li aġixxa b’mod vjolenti u li hedded lil nannuh li jgħix miegħu.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li kif l-akkużat hedded lil nannuh, li kkaġunalu biża’ u li heddu b’biċċa ħġieġa li se jħanxru biha. Spjegat ukoll kif l-akkużat ftit tal-jiem ilu mar iħabbat lil nannuh u qallu li huwa jista’ jagħmel biss dak li jgħidlu hu.
Intqal li dakinhar li l-akkużat mar għand nannuh, baq’ dieħel fil-kamra tiegħu. Hemmhekk allegatament kisser il-bieb tal-ħġieġ u qabad ħġeiġa minnhom u mar biha ħdejn nannuh u qallu li bl-istess ħġeiġa se jħanxru
Fil-Qorti, l-akkużat wieġeb li mhuwiex ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-Prosekuzzjoni u tad-Difiża, il-Maġistrat Anne Marie Thake li pprosediet l-każ ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-ġuvni m’għandux post alternattiv fejn joqgħod.
Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur in-nannu tal-akkużat. Il-Qorti irrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex jikkunsidra li l-akkużat, avolja għandu aktar minn 18-il sena, minflok f’Kordin, jinżamm fit-taqsima YOURS minħabba l-fatt li huwa persuna vulnerabbli.