Tuesday, December 24, 2024

Jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli li ta fastidju lil zitu

Aqra wkoll

Raġel ta’ 31 sena residenti Ta’ Xbiex inżamm arrestat, wara li tressaq il-Qorti mixli li ta fastidju liz-zija tiegħu, hekk kif dan kien qiegħed kontinwament jitlobha l-flus għad-droga.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Sherona Buhagiar spjegat li l-Pulizija arrestat ir-raġel wara li aktar kmieni dan ix-xahar, iz-zija tal-imputat għamlet rapport mat-taqsima ta’ kontra l-vjolenza domestika.

Mal-Pulizija, il-mara spjegat li l-imputat, li jiġi n-neputi tagħha għandu l-vizzju tad-droga u li kien iċemplilha ta’ spiss u jgħidilha sabiex din ittih il-flus konsegwenza tal-istess vizzju.

Il-mara stqarret li n-neputi kien iġegħlha tibgħat flus lil xi persuni permezz ta’ mobile banking. Qalet ukoll li kien hemm drabi fejn l-akkużat u sħabu kienu joħduha sal-bank sabiex din tiġbed il-flus u tagħtihom lin-neputisabiex bihom alleggatament kien jixtri d-droga.

Quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech, l-akkużat wieġeb li mhuwiex ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bid-Difiża mmexxija mill-Avukati Josè Herrera u Martina Herrera tagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Maġistrat Grech ċaħad it-talba tal-ħelsien mill-arrest minħabba diversi raġunijiet, fosthom li għadha trid tixhed il-vittma. Il-Maġisrtrat rrakomanda lid-Direttur tal-Ħabs biex jagħti l-għajnuna neċessarja lir-raġel biex jegħleb il-vizzju tad-droga.

Ekonomija

Sport