Saturday, December 21, 2024

Jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li ħebb għal anzjan u seraqlu €900 fil-Ħamrun

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar ħin tressaq il-Qorti James Demanuele ta’ 46 sena residenti l-Imsida akkużat li ħebb għal anzjan u seraqlu €900. Huwa kien mixli wkoll li żamm lil Carmelo Camilleri ta’ 95 sena kontra l-volonta tiegħu u li sar reċediv.

Demanuele nqabad minn filmati ta’ CCTV u kien arrestat ilbieraħ. Fil-post fejn kien qed joqgħod instabu wkoll il-ħwejjeġ li kien liebes waqt l-istess serqa.

L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih bl-Avukat tiegħu Mark Mifsud Cutajar jitlob għall-ħelsien mill-arrest tal-klijent tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba li għad baqa’ diversi xhieda pajżana li għad iridu jixhdu, inkluż l-anzjan kif ukoll raġel ieħor li ra l-akkużat jaħrab minn fuq il-post.

Il-Qorti, wara li semgħet iż-żewġ naħat jitrattaw fuq l-imsemmija talba għall-ħelsien mill-arrest, ċaħdet din it-talba u ordnat li jibqa’ miżmum arrestat.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mario Xiberras, Stephen Gulia u Jeffrey Scicluna.

Qabel: Il-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri arrestat raġel ta’ 46 sena wara li hu ġie identifikat bħala l-aggressur li wettaq serqa minn residenza ta’ anzjan ta’ 95 sena fil-Ħamrun.

Nhar it-18 t’Ottubru, 2020, fl-3:45 p.m, il-Pulizija ġiet infurmata li seħħet serqa fi Triq Qrejten. Mill-ewwel stħarriġ, irriżulta li raġel ħabbat il-bieb tar-residenza u preżenta ruħu bħala persuna li ġiet inkarigata tiġbor xi flus. Huwa daħal ġewwa u kif l-anzjan kien qed itih il-flus, ħataflu l-basket u ħarab.

L-investigazzjonijiet baqgħu għaddejin u lbieraħ, ir-raġel ġie arrestat u ttieħed fil-lock-up tal-Pulizija, il-Furjana, għal aktar investigazzjonjiet.

Ir-raġel ta’ 46 sena mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tal-11:00 a.m quddiem il-Maġistrat, Dr Nadine Lia, b’akkużi relatati ma’ dan il-każ, fost oħrajn.

Ekonomija

Sport