George Frendo ta’ 57 sena residenti ż-Żurrieq inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli b’pussess aggravat tad-droga kannabis u kokaina, li kiser tliet digrieti li bihom ingħata l-ħelsien mill-arrest u li sar reċediv.
Fil-Qorti ħareġ li nhar l-Erbgħa li għadda, il-pulizija bdew josservaw raġel li allegatament kien se jkun involut fi traffikar ta’ droga. Il-Pulizija raw lil dan ir-raġel jrikkeb fil-karozza żewġ persuni oħra f’Ħal Luqa.
Meta waqqfuh, saret tfittxija fil-karozza fejn instabu mas-€16,000 fil-glove compartment. L-imputat ma kienx qalilhom għalxiex kellu fuqu dawk il-fus u l-pulizija infurmawh li kienet se ssir tfittxija wkoll fir-residenza tiegħu.
L-Ispettur Mark Anthony Mercieca, li mexxa l-Prosekuzzjoni, qal li l-imputat beda jilmenta bi problemi ta’ saħħa u għaldaqstant ħaduh l-isptar filwaqt li sakkru r-residenza.
L-għada mbagħad il-pulizija fetħu r-residenza, fil-preżenza tal-imputat. Ġie spjegat li f’din ir-residenza nstabu mal-10 kilogrammi droga suspettata kannabis u madwar żewġ kilogrammi droga suspettata kokaina.
Frendo tressaq quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba.
Il-Qorti, wara li semgħet liż-żewġ partijiet, ċaħdet it-talba minħabba l-gravità tar-reat u l-fatt li għad fadal diversi xhieda pajżana li għad iridu jixhdu. Kien għalhekk li Frendo baqa’ miżmum taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba tal-Prosekuzzjoni u ħarġet ordni tal-iffriżar tal-assi kollha tal-imputat.