Raġel ta’ 42 sena residenti Birżebbuġa tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ tlett snin, wara li ammetta bagħat messaġġi ta’ theddid lill-eks sieħba tiegħu.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Audrey Micallef spjegat li l-vittma allegat li l-eks sieħeb tagħha heddida u nsultaha. Ingħad li l-koppja li għandhom żewġt itfal, kienu ilhom miżżewġin disa’ snin u li bħalissa għaddejjin mill-proċess ta’ separazzjoni.
Mal-Pulizija, il-vittma spjegat kif l-imputat għandu l-problema tax-xorb. Qalet li normalment meta dan ikun xurban, ta’ spiss tispiċċa mhedda minnu.
Fil-Qorti, il-vittma spjegat li l-għada tal-Milied bdiet tirċievi messaġġi ta’ theddid mingħand l-eks sieħeb u li meta ddeċidiet li ma tweġbux, dan allegatament mar quddiem id-dar tagħha u beda jgħajjat. Qalet li meta ddeċidiet li tiftaħlu, dan beda jakkużaha li fuq ġewwa tad-dar kien hemm raġel ieħor.
Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, li pprosediet il-każ, ir-raġel ammetta għall-akkużi kollha miġjuba kontrih u nfaqa jibki. Fl-istess waqt huwa staqsa lil Maġistrat Grima jekk jistax jibqa’ jara lil uliedu.
Il-Qorti poġġiet lill-akkużat taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ tliet snin sabiex tgħinu jindirizza l-vizzju tax-xorb. Il-Maġistrat Astrid Grima ħarġet ordni ta’ protezzjoni fuq il-vittma u infurmat lill-akkużat li jista’ jara lill-uliedu u jkellem lill-eks mara dwarhom.
Għall-akkużat dehru l-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit filwaqt li għall-vittma deher l-Avukat Lennox Vella.