Mara ta’ 44 sena, raġel ta’ 36 sena, raġel ta’ 40 sena u ieħor ta’ 34 sena tressqu l-Qorti akkużati b’assoċjazzjoni biex ibigħu jew jittraffikaw il-kannabis u b’pussess tal-kannabis.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-Pulizija rċivew informazzjoni fit-8 ta’ Marzu, dwar l-involviment ta’ Rumeni li huma involuti f’ċirku tat-traffikar tad-droga madwar l-Ewropa u f’pajjiżna, u waħda minn dawn il-persuni Petronela, kienet tgħix Malta.
Ingħad li żewġ akkużati milhomx wisq jgħixu ġewwa pajjiżna u li flimkien mal-akkużati l-oħra kienu qegħdin jiffrekwentaw appartament li jinsab fi Triq il-Pieta. L-Ispettur spjega li minn tfittxija illi saret fl-appartament u fil-kmamar tas-sodda, instabu erba’ boroż suwed kbar bid-droga. F’dan l-erba’ boroż kbar instabu 73 borża mimlija kannabis. B’kollox kien hemm madwar 10 kilogrammi.
Il-Prosekuzzjoni qalet li ħadet stqarrija mingħand l-akkużati, saret ukoll tfittxija fil-vettura li hi mgħammra b’kompartamenti moħbija u nstabu wkoll traċċi ta’ kannabis fil-vettura.
Quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia huma wieġbu mhux ħatja.
Id-difiża, immexxija mill-avukati Franco Debono, Adreana Zammit u Martina Herrera ma resqitx talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti ordnat li jinżammu arrestati u laqgħet talba tal-prosekuzzjoni biex jiġu ffriżati l-assi tal-imputat u tipprojbixxi t-trasferiment tal-proprjetajiet tagħhom.