Monday, May 13, 2024

Jinżammu arrestati fuq serqa minn residenza f’Santa Venera

Aqra wkoll

Żewġt irġiel inżammu taħt arrest preventiv wara li wieġbu mhux ħatja li serqu b’aktar minn €10,000 fi flus kontanti u dehbijiet minn residenza ta’ koppja.

L-akkużati huma Jonathan Degiorgio ta’ 37 sena residenti Santa Venera u Christopher Mifsud ta’ 34 sena. L-allegata serqa seħħet fis-7 ta’ Awwissu li għadda, għall-ħabta tal-5.30 p.m. fid-dar tal-koppja f’Santa Venera. 

L-investigazzjonijiet wasslu għall-arrest taż-żewġ suspettati li ġew mixlija b’serq aggravat u ħsara volontarja mal-bieb ta’ barra tar-residenza. 

Degiorgio kien akkużat waħdu li kiser tliet settijiet ta’ kudizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest.

Iż-żewġt irġiel kienu akkużati li kienu riċedivi. Fil-Qorti saret talba għal-libertà proviżorja li sabet oġġezzjoni mill-Prosekuzzjoni. Intqal li Mifsud għadu kemm ħareġ mill-ħabs filwaqt li Degiorgio kien jaf lill-allegata vittma u saħansitra pprova jissellef il-flus mingħandu qabel seħħ l-allegat inċident.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Noel Bartolo, ċaħdet it-talba minħabba l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi u l-fatt li l-proċeduri għadhom fi stadju bikri. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Mercieca. L-Avukat Franco Debono deher għal Degiorgio filwaqt li l-Avukat Daniel Attard deher għal Mifsud. 

Sport