Monday, November 4, 2024

Jinżammu arrestati l-aħwa tal-‘Lilu King’

… mixlija li kellmu wieħed mix-xhieda biex jipprovaw jinfluwenzawh

Aqra wkoll

Iż-żewġt aħwa ta’ ‘Lilu King’ inżammu arrestati wara li ġew mixlija li kellmu wieħed mix-xhieda fil-każ kontra ħuhom biex jipprovaw jinfluwenzawh.

Dawn l-akkużi nħarġu wara li f’seduta preċedenti li saret fil-kawża kontra Elmushraty, li jinsab akkużat b’parteċipazzjoni fi kriminalità organizzata u ħasil ta’ flus, xhud qal li kien avviċinat miż-żewġ akkużati biex iqarraq bil-Qorti meta kien qed jixhed dwar ir-Range Rover ta’ Elmushraty.

L-Ispettur Tomjoe Farrugia, li qed imexxi l-Prosekuzzjoni flimkien mal-Ispettur Marshal Mallia, qal fil-Qorti li l-irġiel kienu arrestati wara li xhud fi proċeduri kriminali oħra qal li kienu avviċinawh u pprovaw iġegħluh jibdel ix-xhieda tiegħu.

Immedjatament wara li ngħatat din ix-xhieda, il-pulizija arrestat lill-irġiel, li kienu barra l-awla jistennew biex jixhdu.

Meta tressqu fil-Qorti, Mohaned Ali Ahmed Massarati ta’ 31 sena u Mahmoud Mustafa Mohammed Aldabah, ta’ 27 sena wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.

Min-naħa tagħha d-difiża għamlet talba għal ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi. L-Ispettur Malli qal li Massarati kien wasal Malta ħamest ijiem ilu filwaqt li Aldabah ħareġ mill-ħabs ix-xahar li għadda u ma kellux indirizz fiss.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li ż-żewġ imputati jinżammu taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

L-Avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran dehru għall-imputati.

Sport