Wednesday, September 25, 2024

Jinżammu arrestati wara li ġew mixlija li serqu b’€10,000 f’ġugarelli minn maħżen

Aqra wkoll

Żewġ żgħażagħ inżammu arrestati wara li ġew akkużati li serqu ġugarelli b’valur ta’ aktar minn €10,000 minn maħżen tal-Playmobil f’Ħal Far.

Clyde Mallia ta’ 22 sena minn Ħal Għaxaq u Massimo Fasanelli ta’ 22 sena minn Wied il-Għajn kienu arrestati s-Sibt filgħodu fl-istess maħżen. 

Huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom, li kienu jinkludu wkoll attentat ta’ serqa minn residenza f’San Ġwann nhar id-9 ta’ Marzu. Huwa kienu akkużati wkoll li saru reċedivi.

Fasanelli waħdu kien mixli li seraq għodda mill-bini tar-Reġistru Malti tan-Negozju fiż-Żejtun kmieni s-Sibt filgħodu. 

Mallia u Fasanelli nżammu arrestati wara li kellhom it-talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda mill-Qorti. Għaldaqstant huma baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Cassar, Doriette Cuschieri u Jean Paul Attard. L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb dehru għal Mallia filwaqt li għal Fasanelli deher l-Avukat Herman Mula. 

Sport