Tuesday, November 26, 2024

Jinżammu arrestati wara li ġew mixlija li wettqu serqa f’Birkirkara

Aqra wkoll

Żewġt irġiel inżammu arrestati wara li ġew mixlija li wettqu serqa f’Birkirkara, każ li fih kien irrappurtat li nsterqu mas-€60,000 fi flus kontanti minn fuq raġel fil-garaxx tiegħu.

Il-Pulizija kienet qalet li tliet irġiel mgħammda u armati kienu daħlu fuq ir-raġel, rabtuh u serqulu ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti. L-irġiel imbagħad kienu ħarbu minn fuq il-post.

Il-każ seħħ fit-28 ta’ Mejju li għadda, għall-ħabta tas-7.00 a.m. fi Triq Karm Żerafa. Il-vittma kellu bżonn jingħata l-għajnuna minħabba x-xokk li sofra. Il-pulizija bdiet bit-tfittxijiet tagħha għall-allegati ħallelin, li aktar tard instabu u ttieħdu taħt arrest.

Dan wassal biex illum waranofsinhar jitressqu l-Qorti Aaron Cassar ta’ 42 sena residenti Birżebbuġa u Joseph Xuereb ta’ 59 sena mill-Marsa. Huma kienu akkużati b’serq aggravat bi vjolenza, mezzi u valur, li żammu persuna kontra l-volontà tagħhom, kellhom arma u oġġetti misruqa fil-pussess tagħhom u li saru riċedivi.

Iż-żewġt irġiel kienu mixlija wkoll li kisru l-kundizzjonijiet relatati mal-ħelsien mill-arrest tagħhom f’każi separati. Huma wieġbu mhux ħatja u nżammu taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tagħhom.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Ritienne Gauci. L-Avukati Arthur Azzopardi, Ishmael Psaila u Jacob Magri dehru għall-imputati.

Sport