Joseph Polidano ta’ 51 sena u Stanely Spiteri ta’ 46 sena, it-tnejn minn Birżebbuġa, matul il-ġurnata tal-lum tressqu l-Qorti akkużati b’attentat ta’ serq kif ukoll li għamlu ħsara fi proprjetà ta’ ħaddieħor.
L-irġiel ġew akkużati wkoll li kissru l-kundizzjonijiet imposti fuqhom fuq każijiet differenti.
L-Ispettur Darren Buhagiar li mexxa l-prosekuzzjoni qal li fit-3 ta’ Frar li għadda għall-ħabta tas-2.00am il-pulizija tad-distrett kienu nformati li kien hemm persuni f’sit ta’ kostruzzjoni f’Ħaż-Żabbar stess. Meta l-pulizija waslu fuq il-post sabu liż-żewġ persuni bit-torches f’idejhom. Hekk kif indunaw bil-preżenza tal-pulizija huma pprovaw jinħbew, iżda ġew arrestati ftit tal-ħin wara.
Quddiem il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi kontrihom fejn anke talbu li jingħataw il-ħelsien mill-arrest.
Iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal dan minħabba li t-tnejn li huma għandhom problemi kbar ta’ droga u għandhom bżonn l-għajnuna. Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li l-irġiel kissru l-kundizzjonijiet imposti fuqhom u allura ma jistgħux joffru serħan il-moħħ li ma wettqux reat ieħor.
L-Avukat Mark Mifsud Cutajar li qed jidher għal Spiteri qal li ma jfissirx li għax għandu problema tad-droga m’għandux jiġi mċaħħad mil-libertà proviżorja. Min-naħa tiegħu l-Avukat Franco Deboni li qed jidher għal Polidano qal li oħt l-akkużat hi tal-fehma li għandu jinżamm f’post biex jingħata l-għajnuna minħabba l-vizzju tad-droga, iżda dan il-post m’għandux ikun il-ħabs.
Il-Qorti wara li semgħet lil partijiet ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest filwaqt li poġġiet lil Spiteri taħt ordni temporanja ta’ superviżjoni u rrakkomandat li jinħatar uffiċjali tal-probation biex isegwih. Fil-każ ta’ Polidano l-Qorti ġiet infurmata li diġà għandu uffiċjal tal-probabtion.