Iż-żewġ irġiel li l-Ħadd li għadda ġew arrestati wara li nstabu fil-pussess ta’ aktar minn 100 qartas, allegatament droga kokaina, tressqu fil-Qorti fejn wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom.
L-imputati huma Jean Paul Azzopardi ta’ 31 sena residenti Bormla u Rowan Azzopardi ta’ 26 sena residenti l-Belt Valletta.
Il-Pulizija kienet qalet li wara li ż-żewġ suspettati kienu qegħdin jiffrekwentaw l-akwati ta’ Triq Manuel Magri, il-Ħamrun fejn allegatament kien qiegħed isir it-traffikar tad-droga, bdiet b’sorveljanza fuq il-post.
Il-Pulizija kienet innutat liż-żewġt irġiel jaslu fuq il-post b’karozza u mutur. Waqt li saret tfittxija f’appartament ta’ wieħed mis-suspettati fejn ġew elevati xi dokumenti, saret ukoll tfittxija f’appartament fil-Mosta li wkoll jiġi ffrekwentat minn wieħed mill-arrestati, li minnu ġew elevati aktar qratas suspettati droga kokaina u eroina, kif ukoll madwar €20,000 fi flus kontanti.
Iż-żewġt irġiel tressqu l-Qorti mixlija b’16-il akkuża fosthom pussess tal-kannbis, kokaina u eroina, li ma kinux għall-użu esklussiv tagħhom, li assoċjaw ruħhom ma’ persuni oħra bl-iskop li tiġi ttraffikata d-droga, li kisru l-kundizzjonijiet imposti fqhom mill-Qorti u li wettqu dawn ir-reati f’distanza ta’ 100 metru mill-perimetru ta’ skola.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputati, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba n-natura serja tal-akkużi u l-fatt li l-investigazzjonijiet għadhom fi stadju bikri.
Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputati u għaldaqstant baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.