Adoloxxenti li xtaqet tibqa’ anonima għal raġunijiet ovvji ta’ riperkussjonijiet minn sħabha daħlitna f’dinja moħbija ta’ allegat abbuż fost minuri f’Malta. L-etajiet inkwistjoni huma ta’ tfal ta’ bejn il-11 u s-16-il sena, ħalib ommhom fi snienhom, li sfaċċatament qegħdin jaqsmu bejniethom ritratti online indiċenti li f’uħud minnhom saħansitra jidhru minuri kompletament għarwenin.
“Kulħadd jitlob dawn it-tip ta’ ritratti u vidjows. Mhux talli hekk, talli s-subien illum il-ġurnata jippretendu li aħna l-bniet nibagħtulhom ritratti tagħna bla ħwejjeġ. Issa saru jitlobuna dawn l-affarijiet bħala kundizzjoni biex inkunu flimkien bħala koppja”. Hekk qaltilna din l-adoloxxenti li speċifikat li dan it-tip ta’ materjal l-aktar li jintbagħat u jinxtered huwa proprju fuq il-pjattaforma popolari “Instagram”.
Għall-ewwel ħsibna li din se tkellimna dwar każ partikolari ta’ tifla li allegatament anke wasal għand il-Pulizija, iżda jidher li l-problema ta’ ritratti u vidjows espliċiti fost l-adoloxxenti hija ferm aktar mifruxa. F’dan il-każ, l-adoloxxenti qalet li tifel ta’ 12-il sena għal żmien twil kien qiegħed jiffitta tifla iżgħar minnu, li tmur fl-istess skola tiegħu, biex tibagħtlu ritratti tagħha bla ħwejjeġ. “Minħabba li din it-tfajla jogħoġbha dan il-ġuvni, huwa beda juża din l-arma biex jieħu dak li ried minnha fejn anke tagħha x’tifhem li huwa wkoll miġbud lejha u qalilha li jħobbha,” spjegat din it-tfajla. Kien hawn li allegatament il-vittma waqgħet għalih u bagħtietlu vidjow li fih tidher tiżfen b’mod erotiku, kif ukoll xi ritratti espliċiti tagħha.
Din l-adoloxxenti, li rat b’għajnejha dan il-vidjow, qaltilna li dan il-materjal online spiċċa jinxtered fost l-istudenti flimkien ma’ allegat vidjow ieħor li fih, l-istess tfajla, jingħad li għamlet mossi sesswali pjuttost estremi għall-età tagħha. “Sfortunament anke dan inxtered. Mhux talli hekk, talli dan il-vidjow intbagħat lill-iskola u ngħata lill-Pulizija. Ma nafx għaliex… għax hekk lil din it-tifla ġietha ħafna agħar”.
“Lili talbuni… imma jien m’iniex stupida”
Din l-adoloxxenti daħlitna f’dinja ta’ taħwid fi skola lokali, iżda mhux biss. Fost l-adoloxxenti din hija xi ħaġa kontinwa u prassi. Hija stqarret li lilha wkoll, għal diversi drabi, talbuha tippoża bla ħwejjeġ u tibgħat ritratti ta’ dan it-tip. Però, żiedet tgħid li, “imma jien m’iniex stupida” u fortunatament, bħalha hemm oħrajn.
Mistoqsija x’inhi r-reazzjoni meta tirrifjuta li tagħmel dan, din qalet li ħafna drabi s-subien jibdew jeħduha kontriha. Hija spjegat kif meta jkun hemm bniet li jirrifjutaw dan it-tip ta’ komunikat illeċitu, għax hawn qegħdin nitkellmu dwar pornografija ta’ minuri, is-subien imorru fuq tfajliet oħra li lesti li jaqduhom.
Ħafna drabi r-reazzjoni inizjali għal dan it-tip ta’ rifjut, qalet din l-adoloxxenti, hija persistenza b’dikjarazzjonijiet ta’ mħabba u skużi bħal ‘bżonn li naraw ġisem sabiħ’ u li ‘għandna bżonnhom’.
Wara, meta tkun ċara li t-tifla mhux se tibgħat ir-ritratti espliċiti mitluba, huwa allegat li s-subien inkwistjoni jirrabjaw u saħansitra jibdew jgħajru lit-tfajla li tgħidilhom le. “Xi drabi anke jippruvaw idawruha li kienet biss ċajta, mentri oħrajn jibdew jirredikolaw lil dik li tkun, kif ukoll ixerdu gideb u għajdut fuqha,” kompliet din l-adoloxxenti.
Hija qalet li minn informazzjoni li taha tifel stess ħabib tagħha, meta koppja minn dawn l-adoloxxenti tinfired, jibda inkwiet ieħor. Dan minħabba li aktar iva milli le, waħda mill-partijiet tibda xxerred ir-ritratti u l-vidjows tan-naħa l-oħra. Dik magħrufa bħala r-“revenge porn”.
Mistoqsija jekk l-iskola jedukawhomx dwar ir-revenge porn, din l-adoloxxenti qalet li iva imma tħoss li mhux biżżejjed. “Jgħidulna biex ma nagħmlux ritratti u vidjows ta’ dan it-tip imma ma jispeċifikawx. Dawn is-suġġetti nagħmluhom fil-PSCD imma bil-kemm għandna lezzjonijiet biżżejjed fuq dan is-suġġett. Inħoss li għandna bżonn ta’ aktar tagħrif,” stqarret it-tfajla.
Bħala waħda minn ġenerazzjoni fejn ir-romantiċiżmu klassiku u tradizzjonali spiċċa għal kollox u f’postu daħal l-online dating u ċ-chats, din l-adoloxxenti tħoss li l-innoċenza llum il-ġurnata qiegħda tintilef wisq kmieni. Hija stqarret li jekk qabel forsi tfajla kienet titlef il-verġinità tagħha ta’ 18-il sena, issa l-età medja u meqjusa normali hija ta’ 13-il sena.
F’din l-età tenera l-adoloxxenti qegħdin diġà jkunu jafu x’inhija d-dinja. Hija żiedet tgħid li, “allaħares tagħlaq is-16-il sena u tkun għadek m’għamiltx sess għax inkella erħilhom jiddieħku bik”.
“Tip ta’ manipulazzjoni għax jitrattawna bħala oġġett”
Mistoqsija x’taħseb dwar il-mod kif illum il-ġurnata jissieħbu l-koppji ġodda, l-adoloxxenti qalet li, “minħabba li trabbejt f’din l-era, qisni ma nagħtix tant kas imma meta nisma’ r-rakkonti tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabli, inħoss li kieku jien nippreferi l-imħabba innoċenti li kellhom qabel. Sbieħ kienu li jingħataw il-fjuri u hekk. Li jagħmlu s-subien lilna hija tip ta’ manipulazzjoni għax jitrattawna bħala oġġett. Ħabiba tiegħi semgħet grupp ta’ subien jaqsmu informazzjoni bejniethom dwar liema tfajla hija faċli biex tibgħat dawn it-tip ta’ ritratti. Dan mhux sewwa,” sostniet din it-tfajla.
Mistoqsija għala taħseb is-subien tal-ġenerazzjoni tagħha qegħdin jinsistu tant li jirċievu dawn ir-ritratti hija qalet li l-vidjows u r-ritratti li jibgħatulhom jew jakkwistaw, jużawhom flok materjal pornografiku.
L-adoloxxenti qalet li l-ġenituri m’għandhomx idea ta’ x’inhu jiġri fid-dinja ta’ wliedhom u li dan mhuwiex it-tort tagħhom. Hija saħqet fl-importanza li jitkellmu u jgħinu lit-tfal tagħhom, speċjalment lill-bniet meta jinnotawhom kwieti, innervjati jew jibdlu l-espressjoni ta’ wiċċhom waqt jew wara li jkunu fuq il-mowbajl jew online.
Il-messaġġ tagħha għall-bniet bħalha huwa: “taqgħux f’din il-lixka għax min vera jridkom ma jitolbukomx tesponu ruħkom b’dan il-mod mhux dinjituż u riskjuż li jista’ jispiċċa fl-idejn żbaljati”.
Fatt li ħaddieħor jikkonferma…
Dan is-sit tkellem ma’ tfajla oħra li qaltilna li dan it-talb ta’ ritratti u vidjows senswali huma fatt u li hija wkoll kienet sabet ruħha f’din is-sitwazzjoni meta kienet għadha tmur l-iskola. “Però għalija din ma kinitx daqstant problema għax kont naqbad u ngħidilhom le u daqshekk. Iktar hemm problema fuq il-Facebook. Aħna t-tfajliet din is-sitwazzjoni rridu niffaċċjawha l-ħin kollu sfortunatament,” temmet din it-tfajla.
Ħadna wkoll il-verżjoni tan-naħa l-oħra, jiġifieri ta’ tifel adoloxxenti. Dan ikkonferma li ritratti u vidjows ta’ din it-tip “huma xi ħaġa normali u minn dejjem kienu”. Huwa żied jgħid li minkejja anke xi subien jibagħtu ritratti espliċiti lis-sess oppost, dawn ma jiġux mitluba daqstant biex jagħmlu hekk mill-bniet. Pjuttost, is-subien jaqbdu u jibagħtu minn jheddhom ritratti ta’ dan it-tip lill-bniet li huma interessati fihom.