Kull min jinqabad iħammeġ u jarmi skart illegalment apparti multa sostanzjali għandu jagħmel ammont ta’ sigħat ta’ ħidma ta’ tindif fil-komunità. Qal dan is-Sindku tal-Mellieħa Dario Vella filwaqt li ppubblika ritratt meħud ilbieraħ fl-Aħrax tal-Mellieħa ta’ skart mormi fil-kampanja.
Vella rrikonoxxa li l-problema tal-iskart kulma jmur qed tkompli tiżdied. Tenna li fl-istess waqt għal ċerti nies il-ħlas ta’ €150 jew €5,000 f’multa ma tiswa għal xejn għax jerġgħu jiddisponu mill-iskart illegalment.
Kien għaldaqstant li huwa ppropona li apparti s-sistema ta’ multi tiddaħħal ukoll sistema ta’ sigħat ta’ tindif fil-komunità għal kull min jinqabad jarmi skart illegalment bil-għan li dak li jkun jeduka aktar lilu nnifsu dwar kif għandu jħares il-komunità u l-ambjent.