Tuesday, December 24, 2024

Jipprotestaw kontra rwejjaħ insapportabbli f’Birżebbuġa 

Isejħu għas-sospensjoni immedjata tal-operazzjonijiet tal-fabbrika tar-riċiklaġġ tat-tonn

Aqra wkoll

Aktar kmieni l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa u l-Moviment Graffitti flimkien ma numru ta’ residenti fil-lokalità mxew fi protesta kontra  l-inkonvenjenzi li qed ikollhom iħabbtu wiċċhom magħhom ir-residenti u l-ħaddiema fl-inħawi diversi ta’ Birżebbuġa, Bengħisa u Ħal Far, minħabba l-irwejjaħ insapportabbli u d-dranaġġ li qed tarmi l-fabbrika l-ġdida tal-Aquaculture Resources Ltd. li tipproċessa l-fdalijiet tat-tonn f’Ħal Far. 

Fid-diskorsi tagħhom waqt din il-protesta huma qalu li f’diversi okkażjonijiet fil-jiem li għaddew, it-toroq spiċċaw saħansitra mgħarrqa bl-iskart tal-ħut u l-madwar imtela’ bi rwejjaħ tal-biża’.


Filwaqt li ż-żewġ għaqdiet innutaw l-istqarrija maħruġa mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa rigward laqgħa li saret mal-ERA u mal-Water Services Corporation, u japprezzaw l-isforzi tal-Kunsill sabiex tinstab soluzzjoni għal din il-problema, huma  jinsistu li l-azzjonijiet li ttieħdu mill-awtoritajiet mhux se jsolvu din il-problema kbira li intortament ir-residenti u l-ħaddiema milquta qed ikollhom iħabbtu wiċċhom magħha.

Kien għalhekk li bagħtu ittra lill-Ministeri konċernati fejn talbu għas-sospensjoni tal-operat tal-fabbirka u saħqu li għandha terġa’ tibda topera biss meta u jekk ikun żgurat li mhux se tibqa’ tħalli l-irwejjaħ li qed tipproduċi bħalissa.


Huma sostnew li l-qligħ minn din il-fabbrika qatt ma jista’ jingħata preċedenza fuq is-saħħa tar-residenti.

Ekonomija

Sport