Friday, December 13, 2024

Jippubblika ktieb tar-riċetti biex jippromwovi l-ikel tradizzjonali Malti

Aqra wkoll

Paul Fenech iktar magħruf bħala l-Percius, bniedem magħruf fis-settur kulinarju f’pajjiżna, għadu kemm ippubblika ktieb ta’ riċetti ferm interessanti bl-isem ta’ Sweet Maltese Moments. Dan il-ktieb inkiteb f’erba’ lingwi differenti u dawn huma l-Ingliż, il-Franċiż, it-Taljan u l-Ġermaniż.

Dawn il-kotba tant kienu popolari li ġew stampati madwar 1,500 minnhom u kważi kollha inbiegħu. Saħansitra dawn il-kotba marru wkoll barra minn xtutna fejn xi Awstraljani xtraw ukoll din l-edizzjoni. Is-suċċess kien wieħed kbir tant li issa l-awtur qed jaħseb sabiex imur lil hinn minn hawn u jippubblika ieħor bil-Malti apparti li jżid aktar riċetti li fost l-oħrajn inħobbu aħna l-Maltin.

Dan il-ġurnal iltaqa’ ma’ Paul Fenech fejn saqsejnieh dwar il-karriera tiegħu, is-settur kulinarju f’Malta kif ukoll xi tentufiet oħra ferm interessanti.

Kif bdiet il-karriera tiegħu eżattament?

“Il-karriera tiegħi fil-kċina bdiet b’kumbinazzjoni. Kont għadni żagħżugħ u niftakar li r-raġel t’oħti kien jaħdem ma’ kumpanija tax-xorb ewlenija f’Malta li kienet tmexxi l-istabbilimenti tal-catering li kien ikun hemm fit-trade fair fin-Naxxar. Jien tlabtu sabiex isibli xogħol magħhom għas-sajf peress li kont bil-vaganzi.”

“Wara ftit taż-żmien, hu żamm kelmtu u niftakar meta t-Trade Fair kienet issir fin-Naxxar u r-raġel t’oħti qalli li kellhom bżonn lil xi ħadd fil-kċina fir-ristorant tal-eżibitur. Jien flimkien ma’ ħija konna dħalna fejn konna nippreparaw l-ikel ghar-ristoranti u biex jinbiegħ mill-istabillimenti l-ohra.”

“Ix-xogħol mal-ewwel għoġobni tant li kien hemm xi lecturers li nzertaw jgħallmu fil-Polytechnic fejn dak iż-żmien kien hemm il-catering school fosthom il-mibki Felix Camilleri u Freddie Vella li bdew iħajruni biex nidħol. Jien kien għad jonqosni sena skola tas-sekondarja però wegħedthom li naħsibha sew fuq il-proposta tagħhom.”

“Ix-xogħol kompla jogħġobni u fl-istess sajf, Freddie Vella, kien ħajjarna biex nitilgħu miegħu nahdmu s-summer camp l-Għadira fejn illum hemm id-Danish Village. Dawn is-summer camps kienu jiġu organizzati għat-tfal mill-iskejjel tal-Gvern fejn kienu jqattgħu ġimgħa vaganzi hemmhekk. Niftakar żmien sabiħ fejn konna nitgħallmu ħafna. Niftakar ukoll iż-żjara tal-Ministru tal-Edukazzjoni ta’ dak iż-żmien Agatha Barbara li ġiet tara x’konna qed nitgħallu fiż-żmien li konna nkunu hemm.”

Saqsejna lil Paul Fenech dwar is-settur kulinarju bħalissa u hu pront qalilna li dan għaddej minn żminijiet diffiċli. Skont hu, saret problema biex isibu n-nies u għalhekk ħafna ristoranti jkollhom iduru għall-ħaddiema barranin b’dawk Maltin li sirt tgħoddhom fuq subgħajk. 

“Il-problema tikber iktar meta dawn il-ħaddiema ma jkunux jafu jitkellmu bl-Ingliż sew u għalhekk isibu diffikultà kbira sabiex jispjegaw il-menu tal-ġurnata. Nemmen li din hi problema li trid tiġi indirizzata bis-serjetà.”

Fenech qalilna wkoll li hawn nuqqas kbir ta’ nies li jridu jaħdmu fil-catering u bilfors qed ikollhom iduru fuq il-barranin għax inkella ma jkollhomx biex jaħdmu.

Illum il-ġurnata, Paul Fenech huwa rtirat għalkemm xorta waħda għadu jżomm it-tradizzjoni tiegħu li jaħmi ħelu Malti fosthom il-figolla fl-Għid il-Kbir u l-kejk u l-qagħaq tal-għasel fil-Milied. Wara kollox kif jgħid hu, dan kollu hu parti mill-istorja tagħna.

Iżda kif ġietu l-idea li joħroġ ktieb tar-riċetti?

“Matul is-snin bdejt nikteb diversi riċetti li ħafna minnhom huma ferm antiki. Dawn ma kinux organizzati u għalhekk ridt nara kif nagħmel biex niġborhom għax kieku kienu jmutu fuq ommhom.”

“Kien għalhekk li ddeċidejt li noħroġ ktieb biex kemm jista’ jkun jintlaħaq mhux mill-Maltin biss iżda wkoll mit-turisti li jżuru pajjiżna, għalhekk kien il-ħsieb li kull riċetta tkun maqluba b’erba’ lingwi differenti. Mort inkellem lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtoritá Maltija għat-Turiżmu (MTA) u għidtlu bil-ħsieb li kelli u dan mill-ewwel għoġbitu l-idea u qalli li stajna nagħmluh. Kelli għajnuna kbira minnu kif ukoll mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo li wkoll ħeġġewni bis-sħiħ sabiex nibqa’ sejjer b’dan il-proġett li wara kollox kien se jippromwovi lil pajjiżna anke fejn għandu x’jaqsam ikel tradizzjonali u bnin.

Tkellimna ma’ Fenech fuq settur ieħor importanti fil-qasam tal-ikel u l-ħelu; it-tiġijiet. Kif evolvew dawn l-avvenimenti matul iż-żminijiet?

“Tista’ tgħid li evolvew ħafna speċjalment fl-istil ta’ kif isir u anke l-ikel li jitqassam. Jien niftakar żmien meta t-tiġijiet kienu jibdew bil-ġelat u l-famuż finger tal-isponge. Illum żdiedu ħafna ikel partikolari li ngħidulu finger food filwaqt li sar iktar elaborat bi mwejjed partikolari dedikati għall-għaġin, il-ħut, il-laħam u l-ġobon.” 

“Magħhom inżidu wkoll il-mejda Maltija. Ovvjament dawn jiswew ħafna flus iżda mbagħad il-caterers saru kompetizzjoni bejniethom sabiex joffru ikel divers ta’ kwalitá.” 

Saqsejna lil Paul Fenech dwar x’jinvolvu l-preparamenti ta’ tieġ. Hu qalilna li l-ewwel ħaġa importanti hu li jaraw fejn se jsir it-tieġ u jaraw x’għodda hemm bżonn sabiex ikun hemm kollox ippreparat bl-aktar reqqa. Hu jgħidilna wkoll li l-għadu tagħhom hi s-sħana fejn ċerti prodotti mhux faċli jżommu t-temperatura adegwata u hu importanti li jkun hemm l-arja kkundizzjonata fit-tali post biex l-ikel jibqa’ tajjeb.

Tlabna lil Paul Fenech sabiex jgħaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li jixtiequ jibdew karriera fil-qasam kulinarju.

“Bla dubju li jien kieku kelli nerġa’ nitwieled, nagħżel li nkun fil-kċina għax hi xi ħaġa li verament inħobb u fejn il-preparazzjoni tal-ħelu mal-ewwel kienet in-niċċa tiegħi. M’hemmx dubju wkoll li trid tkun dedikat għal dan ix-xogħol fejn trid tkun lest taħdem ġranet bħas-Sibtijiet u l-Ħdud kif ukoll festi, meta ħaddieħor ikun qed jiddeverti.”

“Madankollu hu settur li jagħtik ħafna sodisfazzjon speċjalment meta tara l-klijenti li jkunu sodisfatti b’dak li offrejtilhom.

Paul Fenech xtaq jispiċċa din l-intervista billi jirringrazzja lil Martin Bugelli li ħa ħsieb il-editjar u t-traduzzjonijiet tal-ktieb tiegħu f’erba’ lingwi, lil Joseph Mizzi f’isem Midsea Books u anke lill-Awtoritá Maltija tat-Turiżmu – l-MTA u l-Ministru tat-Turiżmu, l-Onorevoli, Clayton Bartolo, li tawh is-sostenn neċessarju sabiex ikun jista’ jiġi ppublikat dan il-ktieb.

Hu temm jgħid li għandu proġetti oħra kbar fosthom li jmur għall-ktieb li jmiss li apparti li jkollu riċetti aġġornati Maltin u fih ikun hemm ukoll riċetti li huma favoriti mal-Maltin, ikompli jimraħ b’aktar innovazzjonijiet sabiex jilħaq ħafna iktar nies.

Ekonomija

Sport