Wednesday, July 24, 2024

Jirbaħ kważi €35,000 għax baqa’ b’diżabilità … il-ħaddiem ma kienx liċenzjat biex isuq ir-romblu

Aqra wkoll

“Segwejt il-proċedura normali. Xgħeltu, tajtu l-gass, u mexxejt il-lever ‘il quddiem u r-romblu beda’ miexi ‘l quddiem, għan-niżla.  F’ħin bla waqt, ir-romblu beda jżid il-veloċità u jiena minnufih għollejt il-handbrake ‘’fuq, il-lever ressaqtu għal pożizzjoni newtrali, biss il-hand brake minkejja li żamm, ir-romblu beda jitkaxkar ‘l isfel.   Meta rajt li mhux ser jirnexxili inwaqqfu, pprovajt indawwar ir-romblu fuq in-naħa tal-lemin imma ma ġara xejn fis-sens li baqa’ jitkaxkar, u wara dawwartu għal fuq in-naħa tax-xellug lejn il-bankina li kien hemm fuq il- ġenb biex nerġa nipprova nwaqqfu mal-bankina, iżda l-parti ta’ quddiem tar-romblu xorta baqa’ nieżel laġenbha. F’ dak il-mument jiena inkwetajt minħabba l-ispeed li kien qiegħed iżid ir-romblu u ddeċidejt li kien aħjar jekk naqbeż mill-inġenju, u hekk għamilt. Kien f’dak il-mument li jiena weġġajt saqajja”.

Dan xehdu fil-Qorti, Pawlu Sammut wara li hu kien fetaħ proċeduri kontra l-kumpanija Bonniċi Brothers. Hu kien ingħata kumpens ta’ kważi €35,000 għad-diżabilità li sofra meta qabeż minn fuq ir-romblu fin-niżla tal-bypass tal-Mellieħa. Il-kumpanija kienet appellat. Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenza tal-kumpens.

Il-ħaddiema fil-kontro eżami qal li “startjajt normali. Qbadt nieżel in-niżla u dan ir-romblu ħarab. Skiddja. Beda jżid il-veloċità. Mhux mill-ewwel, mill-ewwel. Inżilt biċċa sewwa bih. Inżilt il-kantuniera. Dort il-kantuniera u x’ ħin qbadt id-dritta ‘l isfel telaq dan ir-romblu. Dan kont nieżel bih. Qabad iżid il-veloċità. Ippruvajt inżommu għal ġol bankina. Ma żammx. Ġbidtlu l-handbrake. X’ ħin rajtu baqa’ jżid, qbiżt minn fuqu.  Dik l- alternattiva li kelli. Kif qabad jirranka qbiżt minn fuqu għax jien għidt ħa naqbeż, jibqa’ għaddej. Ir-romblu ma nafx x’ ġara minnu xejn jiġifieri. Kull ma qaluli li r-romblu waqaf isfel. Qaluli waqaf isfel quddiem it-triq ta’ Popeye u waqaf waħdu ma’ xi ġenb.”

Mis-sentenza tal-Appell joħroġ li meta seħħ l-inċident il-kumpanija kienet qiegħda tagħmel xogħlijiet fuq il-proġett tal-by-pass tal-Mellieħa. Fost l- impjegati li kellha jaħdmu fuq il-lant tax-xogħol kien hemm Paul Sammut. Fl-affidavit tiegħu spjega li dakinhar tal-inċident it-30 ta’ Novembru 2012,  kien qiegħed jaħdem bir-romblu tat-tarmac.

Qal li kien ilu jaħdem bir-romblu madwar tlettax-il sena u li qatt qabel ma kellu inċident. Qal li dakinhar tal-inċident kien użaħ fil-għodu u reġa’ mar biex jużah kmieni wara nofsinhar, iżda f’daqqa u l-ħin, kif kien fin-niżla, ir-romblu ħarablu u ma setax iwaqqfu, u għalhekk ħa d-deċiżjoni li jaqbeż minn fuqu, fejn weġġa’ serjament f’saqajh.

Jirriżulta li l-Ewwel Qorti  kienet ikkonkludiet li ma tirriżulta l-ebda traskuraġni da parti tal-ħaddiem fil-mod kif seħħ l-inċident in kwistjoni.  Irriżultalha li għall-inċident kienet taħti l-kumpanija li naqset milli tosserva l-obbligi imposti fuq min iħaddem.

Intqal li  barra l-korsijiet li kienu saru għall-ħabta tas-sena 2009 għal dak li jirrigwarda l-obbligi ta’ min iħaddem u ta’ min hu impjegat fid-dawl ta’ dak li tipprovdi l-liġi, ma rriżultax li sar xi taħriġ ulterjuri jew fuq il-mod li għandu jintuża r-romblu, u li lanqas ma jirriżulta li l-kumpanija pprovdiet lil dawk li jaħdmu fuq ir-romblu xi kopja tal-handbook (li kopja tiegħu ġiet esebita mid-direttur tal-kumpanija stess).

Intqal li skont  l-imsemmi handbook jirriżulta li l-kumpanija naqset f’ żewġ aspetti mill-obbligu tagħha li tipprovdi lant tax-xogħol sikur, jiġifieri li  r-romblu kellu jitħaddem minn persuna kwalifikata u  li f’ kundizzjonijiet potenzjalment perikolużi, bħal fejn ikun hemm niżla, kellhom jittieħdu prekawzjonijiet adatti (fejn aċċennat għad-depożizzjoni ta’ Eric Calleja meta qal li wara l-inċident in kwistjoni, u żewġ episodji fejn tkaxkru rombli oħra, dawn bdew jintrabtu b’katina ma’ gaffa kull meta jkun hemm bżonn jinżlu f’niżla). Intqal li  ma rriżultax li l-ħaddiema kienu jagħmlu użu minn tagħmir protettiv. 

Il-Qorti ikkummentat dwar l-allegata “ammissjoni” tal-ħaddiem li qal li l-kumpanija ma kellha l-ebda tort:  Fil-kontroeżami l-ħaddiem qal li “mhux qed intihom tort hu. Mhux aċċident….M’għamel xejn ħażin”. Il-Qorti qalet li ma tarax li dan għandu jitqies li huwa kien qiegħed jeħles lill-kumpanija mir-responsabbiltà, kif tippretendi l-istess kumpanija. B’daqshekk ma jfissirx li kien qiegħed jagħmel xi “ammissjoni” li l-kumpanija ma kinitx taħti għall-akkadut. Kif jargumenta huwa  stess fir-risposta tal-appell tiegħu, ċertu espressjonijiet fil-lingwaġġ normali ta’ bniedem tat-triq ma jġorrux l-istess sinifikat u tifsiriet legali f’Qorti. Wara kollox li kieku ħass li ma kellhiex terfa’ responsabbiltà għal dak li ġarrab ma kienx jibda’ l-proċeduri legali, u lanqas ma kien iwieġeb għal dan l-appell”.

Eric Calleja fix-xhieda tiegħu qal li “nista’ ngħid li wara l-każ ta’ Pawlu skiddjaw żewġ rombli oħra mingħajr konsegwenzi…fl-istess niżla, il-Mellieħa…. ħarbu iva, żewġ rombli fl-istess post u mingħajr konsegwenzi. Imbagħad wara, wara dan il-każ jiġifieri soqtu jiena stess, dana norbtuh b’katina ma’ gaffa tar-roti warajna. Jiġifieri r-romblu quddiem, katina minn mar-romblu għal mal- bucket tal-gaffa tar-roti u ninżlu biex jekk ir-romblu jagħmel xi moviment ikun hemm il-gaffa qed iżżommu. Dak li bdejna nagħmlu imbagħad. Biex ninżlu n-niżla, biex inkunu siguri bdejna norbtuh bil-katina. Bdejna norbtuhom b’katina biex jekk jiġi jaħrab ikun hemm il-katina żżomm il- gaffa għax mhux se jiġbed gaffa warajh ir-romblu.” 

Il-Qorti tal-Appell qalet li “kellha raġun l-ewwel Qorti ssib li l-kumpanija naqset meta ma ħaditx ħsieb li l-ħaddiem ikun imħarreġ u kwalifikat kif xieraq sabiex iħaddem ir-romblu.” Semmiet li  PS935 Patrick Cassar xehed dwar il-fatt li r-romblu ma kellux number plates u assigurazzjoni, u l-ħaddiem ma kienx liċenzjat: 

Intqal li “wara li l-Ewwel Qorti kkunsidrat li l-ħaddiem ma kienx ingħata taħriġ kif xieraq fir-rigward tat-tħaddim tar-romblu, żiedet tikkummenta hekk:  Mhux hekk biss, iżda PS935 Patrick Cassar xehed ukoll li l-vettura ma kellhiex assigurazzjoni, ma kellhiex number plates, ma kellha xejn u għalhekk kont ħriġt charges kemm lil Paul Sammut li kien qed isuq il-vettura mingħajr liċenzja kif ukoll kienu ħarġu xi akkużi lil Bonnici Brothers ukoll”. 

Issemma’ li l-Ewwel Qorti qalet li ma kienx irriżultalha li l-ħaddiema kienu jagħmlu użu ta’ tagħmir protettiv u rriteniet li “dan għal darb’ oħra juri nuqqas da parti tal-kumpanija li tgħallem u tħarreġ lill-ħaddiema tagħha kif mistenni sabiex jiġu mħarsa s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.” 

Intqal li “qabel ma l-Ewwel Qorti kkummentat fuq in-nuqqas ta’ tagħmir protettiv, kienet diġà enfasizzat żewġ nuqqasijiet da parti tal-kumpanija li rrendewha responsabbli għall-akkadut: jiġifieri in-nuqqas ta’ taħriġ mogħti lill-ħaddiem dwar l-użu tar-romblu li wassal biex minkejja l-esperjenza tiegħu ma kienx jista’ jitqies bħala “suitably qualified personnel”, u l-fatt li kien wara l-inċident li bdew jittieħdu l-prekawzjonijiet addattati meta r-romblu jintuża f’niżla.  Għalhekk anke jekk ma jirriżultax ukoll li fil-mument li l-ħaddiem kien qiegħed isuq ir-romblu kien nieqes minn xi tagħmir protettiv addattat, dan ma jxejjinx ir-responsabbiltà tal-kumpanija għall-inċident in kwistjoni li diġà tirriżulta minN nuqqasijiet fuq esposti.” 

Ekonomija

Sport