Saturday, November 9, 2024

Tiggradwa bl-ogħla marki minkejja battalja kontinwa mal-kanċer matul il-kors tal-Masters

Studenta matura ma tħallix il-mard milli jwaqqafha tibrilla f'Università fl-Ingilterra

Aqra wkoll

Studenta matura u omm ta’ żewġt itfal li f’temp ta’ sena u tliet xhur ingħatat l-aħbar li għandha tliet tipi ta’ kanċer differenti, irnexxielha tlesti l-Masters b’suċċess tant li saħansitra kisbet distinction.

Georgina Tankard, mara ta’ 53 sena minn Emersons Green, South Gloucestershire, ġiet mgħarrfa bl-ewwel kanċer minn tlieta jumejn biss qabel ma kellha tibda l-istudji tagħha fl-Università ta’ Bristol.

Filwaqt li kellha ttawwal il-programm tal-istudju minħabba t-trattament li kellha bżonn tirċievi u minħabba li fix-xhur ta’ wara ħadet l-aħbar li għandha żewġ kanċers oħra, hija xorta rnexxielha twettaq waħda mill-ħolmiet tagħha hekk kif iggradwat bi grad ta’ distinction quddiem żewġha u bintha ż-żgħira li attendew għaċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni sabiex jaqsmu dan il-ferħ magħha.

Kien propju ħames snin ilu li ddeċidiet li tibda l-kors tal-Masters fil-Psikoloġija, fl-età ta’ 48 sena. L-għan tagħha kien li ssaħħaħ l-għarfien tagħha fuq il-proċess tat-tagħlim tat-tfal u s-saħħa mentali sabiex tkun tista’ tgħin lit-tfal iż-żgħar u l-ġenerazzjoni żagħżugħa.

L-ewwel kanċer, dak tas-sider, tfaċċa f’Settembru tal-2017. Waqt li bdiet tirċievi t-trattament, it-tobba sabulha l-melanoma f’sieqha. Fl-età ta’ 52 sena ġiet infurmata li għandha kanċer ieħor — it-tielet wieħed. Minkejja dan hija kompliet bil-kors, però kellha tnaqqas mill-ħin tal-kors biex tikseb bilanċ bejn l-istudju u t-trattament mediku.

Eventwalment, wara li temmet il-kura, hija setgħet tkompli bil-programm akkedemiku fuq bażi ta’ full-time, u bdiet tikteb it-teżi tagħha dwar l-esperjenza tat-tranżizzjoni tat-tfal mill-primarja għas-sekondarja.

Hija temmet il-kors tagħha f’Ġunju tas-sena l-oħra. Waqt il-jum tal-gradwazzjoni hija kienet kuntenta ferm li rnexxielha ttemm dan il-kors akkedemiku b’suċċess wara tant xogħol li kien jirrikjedi.

Sport