Sunday, October 27, 2024

Jirritorna l-Classic Wine Festival ta’ Delicata wara waqfa ta’ sentejn

Aqra wkoll

Id-Delicata Classic Wine Festival, l-akbar u l-iktar festival tal-inbid li ilu jiġi organizzat f’Malta, jirritorna mill-ġdid fil-Ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq fil-Belt Valletta, is-Sibt 13 u l-Ħadd 14 t’Awwissu 2022, kull filgħaxija mis-7pm sa nofsillejl.

Wara waqfa ta’ sentejn, Delicata se tkun qed torganizza d-19-il edizzjoni tal-festival tagħhom, avveniment li jmur lil hinn minn fejn wieħed sempilċiment iduq inbejjed biss. L-avveniment jappoġġja wkoll ix-xena lokali tal-mużika, l-arti, il-kultura u l-ikel bħala parti mill-impenn ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) ta’ Delicata.

L-inbejjed xorta waħda għadhom fil-qofol tal-attivita’, fejn fil-fatt aktar minn 20 inbid differenti qed jintwerew u disponibbli għall-pubbliku biex jduqu. Dawn jinkludu s-semi-sparkling Frizzantes, l-inbejjed ikoniċi DOK Malta Medina u DOK Gozo Victoria Heights, l-inbejjed preġjati Gran Cavalier u Grand Vin de Hauteville, l-inbejjed aktar ħelwin Dolcino u Falcon, l-inbid popolari Casella Moscato u varjetajiet oħra tal-Kollezzjoni Classica, it-tliet inbejjed differenti ta’ Pjazza Reġina, kif ukoll l-SpritZZers popolari.

Id-dħul huwa b’xejn, iżda biex idduq l-inbejjed hemm ħlas ta’ €20 għal borża b’24 munita (wine coins) kif ukoll tazza tal-inbid ċelebrattiva. Dawn il-muniti mbagħad jissarfu fil-bankarelli differenti fejn stewards iferrgħu l-inbid preferut fit-tazza ċelebrattiva tal-festival. 

Kull filgħaxija se jkun hemm żewġ kunċerti live. Is-Sibt, Cash and Band se jkunu segwiti mir-Red Electrick, filwaqt li l-Ħadd, Kurt Calleja & Band jibdew is-serata u Spiteri Lucas Band jagħlqu l-festival.

Bankarelli bl-ikel u tisjir li jsir dak il-ħin stess se jservu varjeta’ ta’ platti tradizzjonali Maltin kif ukoll minn kċejjen internazzjonali ippreparati minn l-aqwa caterers tal-avvenimenti ta’ Malta fosthom Il-Kcina, Noodle Box, Grill Street, Gate of India u Sky Lounge by Luna.

Il-faċilità tal-ħlas onlajn hi diġà operattiva. Il-ħlas bil-quddiem jiffranka l-ħin li wieħed jagħmel fil-kju dakinhar peress li jippermetti li tiġbor il-muniti tal-inbid u t-tazza ċelebrattiva mill-korsija prijoritarja ddedikata għal dawk li xtraw onlajn minn barra l-ġonna. Naturalment, il-cash tills se jibqgħu miftuħa matul il-lejl ukoll.

Dan il-festival iservi bħala wirja għall-inbejjed ta’ Malta fi sfond ta’ atmosfera mill-isbaħ u l-veduti ikoniċi tal-Port il-Kbir u t-tliet ibliet imdawla biex flimkien jagħtu serata tassew memorabbli għal kulħadd.

Bi nbejjed mill-aqwa, ikel delizzjuż u mużika live, il-weekend tal-festival ta’ Delicata se jkun wieħed li ma’għandux jintilef.

Għal aktar dettalji u ħlas bil-quddiem, wieħed jista’ jżur is-sit www.delicata.com/2022-valletta-malta/

Sport