Friday, August 8, 2025

Jirritorna l-Karnival tas-Sajf f’Buġibba u Marsaskala

Aqra wkoll

Tnieda uffiċjalment il-Karnival tas-Sajf li sar appuntament annwali għall-familji Maltin u Għawdxin, kif ukoll il-barranin li jkunu qed iżuru pajjiżna. L-edizzjoni ta’ din is-sena ser isseħħ bejn il-Ġimgħa 22 u l-Ħadd 24 ta’ Awwissu f’Buġibba u Marsaskala b’għadd ta’ attivitajiet għall-familja kollha.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr li l-Karnival tas-Sajf huwa okkażjoni importanti fejn il-poplu Malti flimkien mal-komunitajiet barranin li jgħixu f’Malta jistgħu jesprimu u japprezzaw il-kreattività, l-identità u t-tradizzjonijiet ta’pajjiżna, hekk kif din is-sena hemm l-akbar numru ta’ karrijiet li se jiehdu sehem.

Il-Ministru Bonnici saħaq li attivitajiet bħal dawn isaħħu t-tradizzjonijiet Maltin u jirriflettu l-valuri kulturali tagħna.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li l-Karnival tas-Sajf huwa parti importanti mill-kultura u tradizzjonijiet f’pajjiżna. Qalet li b’din l-attività qed inkomplu nuru s-sabiħ li għandna fil-lokalitajiet tagħna. 

Hija rringrazzjat ukoll lill-Kunsilli Lokali li dejjem ikkollaboraw flimkien biex joffru kwalità ta’ ħajja aħjar lir-residenti u anke jagħtu esperjenza unika lil dawk li jżuru dawn il-gżejjer.

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta s-Sur Aaron Zahra stqarr li “Il-Karnival tas-Sajf juri kif Festivals Malta qed tikkommetti ruħha biex toħloq pjattaforma oħra b’kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet sabiex it-tradizzjoni tal-karnival tilħaq aktar nies.” 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, is-Sur Frans Agius żied jgħid li,“Attivitajiet bħal dawn li jkomplu juru l-abbiltajiet tan-nies li jiddedikaw ħinhom u ħajjiethom lejn il-Karnival, huma importanti sabiex il-poplu jkompli japprezza t-talent vast li ġġib din it-tradizzjoni”.

Hu u jikkummenta dwar l-attivitajiet tal-Karnival tas-Sajf ta’ din is-sena, id-Direttur Artistiku tal-Karnival Jason Busuttil stqarr li, “Din is-sena għandna record ta’ karrijiet bi tliet karrijiet mill-gżira ta’ Għawdex li flimkien mal-parteċipanti Maltin se jallegraw lil kull min se jattendi. Jingħaqdu wkoll bosta kumpaniji taż-żfin b’kostumi sajfin. Nistieden lil kulħadd jingħaqad magħna għal din il-festa sajfija kkulurita.”

Iżjed informazzjoni fuq l-attivitajiet tal-Karnival tas-Sajf tista’ tinstab fuq is-sit www.festivals.mt/karnivalsajf jew minn fuq il-paġni soċjali tal-Karnival ta’ Malta.

Il-Karnival tas-Sajf huwa organizzat minn Festivals Malta b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u ta’ Marsaskala, bis-sapport tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet, u l-Gvern Lokali, u megħjun minn GSD Ltd. Il-Karnival tas-Sajf f’Buġibba wkoll qed isir bis-sapport tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport