Tuesday, January 20, 2026

JIRRITORNA TARCY SAYDON

Aqra wkoll

Il-karattru fittizju, id-ditektiv Tarcy Saydon se jerġa’ jingħata l-ħajja meta SKS se jippubblikaw edizzjoni ġdida ta’ tliet rumanzi polizjeski li kien kiteb u ippubblika Pawlu Xuereb bejn 1967-1968. Il-protagonist f’dawn it-tliet rumanzi huwa d-ditektiv Malti Tarcy Saydon,  karattru maħluq minn Pawlu Xuereb (1923-1994) fis-snin sittin tas-seklu l-ieħor. Saydon huwa Suprintendent fil-Korp tal-Pulizija li jinvestiga żewġ omiċidji u l-attentat ta’ serq tal-Bust tal-Gran Mastru Nicolas Cotoner fl-1966.

Il-Każ tat-Tfajla Maħruqa (1967), Is-Serqa ta’ Nicolas Cotoner (1967), u Qtil f’San Pawl il-Baħar (1968) se jiġu mnedija fil-Palazz tal-President nhar it-Tnejn 16 ta’ Frar fis-6.30pm. 

Se jiġi mniedi wkoll il-ktieb ‘Ir-Rumanz Polizjesk: Studju fuq ir-rumanzi ta’ Pawlu Xuereb’ ta’ Wayne Camilleri. L-awtur jiffoka fuq ir-rumanzi polizjeski ta’ Pawlu Xuereb u janalizza l-karatteristiċi tematiċi u stilistiċi ewlenin ta’ dan il-ġeneru tan-narrattiva kriminali. Xuereb ħoloq dak li jidher li hu l-ewwel investigatur tad-delitti li jaħdem fil-qafas tal-korp tal-pulizija u dan huwa l-ewwel studju akkademiku komprensiv tal-ġeneru kriminali bil-Malti. Fil-kapitli ewlenin tinxteħet l-attenzjoni fuq it-tliet rumanzi ta’ Xuereb  permezz ta’ analiżi fuq il-karatterizzazzjoni, in-narrazzjoni, il-plot, u elementi narrattivi oħrajn li dan ir-rumanzier juża fir-rumanzi tiegħu.

Dawk li jixtiequ jattendu jistgħu jiktbu lil [email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport