“Ħames snin ilu dħalt bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista b’sens ta’ dover qawwi lejn il-pajjiż u l-partit… Għamilt dan għax ħassejt li kelli r-responsabbiltà lejn pajjiżi u anke ma nħallix lill-Partit Nazzjonalista jitfarrak…” hekk stqarr Bernard Grech waqt li kien qiegħed iħabbar ir-riżenja tiegħu minn Kap tal-Partit.
Saħaq li hu se jibqa’ fil-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni sakemm jinħatar mexxej ieħor minfloku.
Grech waqt li kien qiegħed jitkellem fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista qal li daħal fil-politika f’partit fejn kellu ħafna ġrieħi, ġlied intern u anke ħiereġ minn telfiet elettorali kbar. Saħaq li daħal fil-partit biex jgħaqqad… “Ma kellnix ħjiel meta se tisejjaħ l-elezzjoni ġenerali, imma kelli d-determinazzjoni li nkunu perparati bl-aħjar mid. Sena u nofs li ma waqafniex naħdmu biex ningħaqdu,” kompla jgħid Bernard Grech.
Waqt l-istess diskors, Grech irrefera għal dawk li hu sejjaħ bħala kisbiet li wettaq kemm dam Kap tal-Partit Nazzjonalista. Qal li minkejja fl-aħħar elezzjoni ġenerali ma ksibnix dak ir-riżultat li xtaqna, is-sena li għaddiet waqt l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ġibna l-aqwa riżultati f’dawn l-aħħar 17-il sena.
Irrefera wkoll għas-sontaġġi li ħarġu qabel l-aħħar elezzjoni fejn qal li dakinhar dawn kienu juru li l-Partit Laburista kien se jirbaħ b’aktar minn 8,000 vot. Qal ukoll li fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali l-Partit Nazzjonalista żieda 20 kunsillier u rebaħ diversi lokalitajiet ġodda.
“Fuq livell personali dawn kienu ħames snin li esperjenzajt emozzjonijiet sbieħ u oħrajn iebsa ħafna. Sodisfazzjon kbir kull darba li rnexxilena ngħinu lil xi ħadd u kull dara li tajna tama ġdida lin-nies. Imma għafsa ta’ qalb meta fhimt li stajna ħadna deċiżjonijiet aħjar. Kienu żminijiet li fihom tlift liż-żewg ġenituri tiegħi, u t-telfa ta’ dak li kelle jkun is-Segretarju Ġenerali li jmiss.”
Ikompli jgħid li “kienu ħames snin li tlabt lin-nies ta’ madwari biex jagħmlu sagrifiċċji kbar fosthom lil marti. Nirringrazzjakom ilkoll talli dejjem kontu hemm. Issa wasal iż-żmien li dan il-partit li jien kelli l-unur u l-privileġġ li nkun il-kap tiegħu, jibda kapitlu ieħor. Dak li wassalni li nħalli kollox u nidħol għall-kariga tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, illum iwassluni għall-konvinżjoni li hu xieraq illum li nħalli dan il-kariga f’idejn xi ħadd li jkompli jmexxi l-Partit Nazzjonalista ‘lquddiem.”
Tenna li “bidla fit-tmexxija tkun l-aħjar soluzzjoni biex il-Partit ikompli jikber u jissaħħaħ lejn gvern alternattiv. Għadni kif informajt lis-Segretarju Ġenerali li qed nirriżenja minn Kap tal-Partit Nazzjonalista. Infurmajt li se nlaqqgħu l-Kumitat Eżekuttiv biex minnufih jibda l-proċess għall-ħatra ta’ kap ġdid. Jien se nibqa’ fil-kariga sakemm jinħatar is-suċċessur tiegħi. Inwiegħed li ikun min ikun jew tkun min tkun, se jsibu l-appoġġ u l-lealtà assoluta tiegħi. Irrid nirringrazzja lil kull min għenni f’dan il-vjaġġ sabiħ.”
Il-Kap Nazzjonalista kompla jgħid li “grazzi lilkom li qsamtu l-istorja, r-realtà u s-sigrieti tagħkom ukoll. Nibqa’ ngħożż kull kelma. Kull għafsa ta’ id u kull tgħanniqa ġenwina. Fraħt magħkom meta f’għajnejkom rajt xrara ta’ tama u m’għandix dubju li min ġej warajja jista’ jkompli jqawwi din it-tama, billi issa jagħmel pass ‘lquddiem. Grazzi lilkom li verament tħobbu l-Partit Nazzjonalista u li tħobbuh b’mod altruwistiku u mhux tfittxu l-interessi tagħkom.”
Qal ukoll li “lil dawk li inqasthom nitlobhom maħfra. Kull deċiżjoni li ħadt għamiltha b’integrita sħiħa u qalb safja. Illum inħares lura u sodisfatt li qed inħalli pajjiż aktar b’saħħtu. Il-futur tal-Partit Nazzjonalista hu sabiħ sakemm nibqgħu naħdmu flimkien.”
Aktar kmieni:Bernard Grech mistenni li jirriżenja minn Kap tal-PN
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u kap Nazzjonalista Dr Bernard Grech ftit tal-minuti oħra se jkun qiegħed jindrizza lin-Nazzjoni.
Sorsi qrib id-dar ċentrali qegħdin jgħidu li f’dan l-indirizz Bernard Grech mistenni jħabbar ir-riżenja tiegħu.
Grech ilu Kap Nazzjonalista mit-3 ta’ Ottubru tal-2020