Carlos Mazón, il-President tar-Reġjun tal-Lvant Spanjol ta’ Valencia, kellu jċedi għall-furja u r-rabja tal-pubbliku u l-pressjoni politika u rriżenja mill-kariga minħabba l-mod ħażin ta’ kif immaniġġja l-għargħar fatali li qatel 229 persuna fir-reġjun ftit aktar minn sena ilu.
Mazón, membru tal-partit konservattiv (PP), baqa’ għaddej fil-kariga minkejja s-sejħiet pubbliċi li ffaċċja sabiex jirriżenja wara li ġie żvelat li qatta’ aktar minn tliet sigħat jiekol ma’ ġurnalist waqt li kien qed iseħħ l-għargħar u n-nies kienu qed jegħrqu fi djarhom.
Ir-rifjut stinat tiegħu li jirriżenja wassal għal sensiela ta’ dimostrazzjonijiet massivi madwar Valencia, ħafna minnhom taħt l-għajta “Tajn fuq idejna, demm fuq idejh” b’riferenza ċara għal Mazón. Stħarriġ reċenti sab li 75% tal-Valenciani jemmnu li hu għandu jirriżenja.
Il-bieraħ, Mazón ċeda għall-inevitabbli u ħabbar li se jitlaq mill-presidenza reġjonali. Madankollu ma qalx jekk kienx se jsejjaħ elezzjoni bikrija, u lanqas ma ċċara jekk kienx qed jirrinunzja wkoll għal postu fl-assemblea reġjonali – li kienet se ttemm l-immunità parlamentari tiegħu – u lanqas min se jkun is-suċċessur tiegħu.
Mazón kien insista li m’hemm l-ebda gvern fid-dinja li għandu l-għodda biex ibiddel, iwaqqaf jew jevita episodju ta’ xita torrenzjali li tispiċċa tħarbat ir-rekords storiċi tax-xita f’żona u f’ħin partikolari.
Iżda r-rabja dwar ir-rispons tal-amministrazzjoni tiegħu għall-kriżi, mhux l-inqas il-fatt li twissija ta’ emerġenza ma ntbagħtitx lill-mowbajls tan-nies qabel it-8.00 p.m. fil-jum tal-għargħar, laħqet il-quċċata nhar l-Erbgħa li għadda waqt is-servizz statali ta’ tifkira għall-vittmi f’Valencia.
Mazón wasal għas-servizz, li sar fl-ewwel anniversarju tad-diżastru, u ntlaqa’ b’għajjat ta’ “qattiel”, “beżżiegħ”, u “għandek tkun fil-ħabs”.
Għaddejja wkoll inkjesta kungressjonali dwar il-ġrajjiet tad-29 ta’ Ottubru 2024, kif ukoll investigazzjoni minn imħallef f’Valencia biex jiddetermina jekk hemmx evidenza ta’ reati ta’ omiċidju traskurat u korriment, ikkawżati minn negliġenza, li wasslu għal imwiet li setgħu ġew evitati.
Għadu mhux ċar x’kien qed jagħmel Mazón bejn tmiem l-ikla u l-wasla tiegħu fiċ-ċentru tal-kontroll tad-diżasttri.
Fil-bidu ta’ Ottubru, l-imħallef inkwirenti, Nuria Ruiz Tobarra, irrifjutat li twarrab l-investigazzjoni dwar l-azzjonijiet ta Salomé Pradas, il-ministru tal-ġustizzja u l-intern ta’ dak iż-żmien fil-gvern ta’ Mazón.
Hija qalet ukoll li kien hemm “evidenza kbira ta’ mġiba negliġenti”, u żiedet li kien hemm “dewmien ovvju” biex tissejjaħ laqgħa tas-Cecopi, kif ukoll dewmien insopportabbli biex jintbagħtu twissijiet lin-nies.

