Il-Kap tas-Segretarjat tal-PN Ray Bezzina ddeċieda li jirriżenja minn din il-kariga. Skont dak li ġie rrappurtat fil-midja lokali, Bezzina se jibqa’ f’din il-kariga għal erba’ ġimgħat oħra biex ikun jista’ jgħin fil-proċess ta’ tranżizzjoni.
Ġie rrappurtat ukoll li l-Kap tal-PN Bernard Grech awguralu u rringrazzja lil Bezzina tal-kontribut tiegħu matul is-sena u nofs li għaddiet.
Bezzina ġie kkwotat jgħid: “Għandi fiduċja sħiħa f’Bernard Grech u nfaħħar li ddeċieda li jibqa’ mexxej, filwaqt li qed ifittex mandat ġdid. Il-partit diġà għadda minn bidliet kbar miegħu bħala mexxej u m’għandi l-ebda dubju li tul is-snin li ġejjin dawn il-bidliet se jirriżultaw ukoll f’riżultati elettorali pożittivi.”
L-istess rapporti qalu li l-kuntratt ta’ Christian Peregin mhux se jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ campaign managerr tal-PN hekk kif il-kuntratt tiegħu intemm awtomatikament dakinhar stess tal-elezzjoni ġenerali li saret is-Sibt li għadda.
Peregin ġie kkwotat jgħid li rringrazzja lill-PN tal-fiduċja li wera fih l-partit u se jibqa’ għad-dispożizzjoni tal-partit f’kull xogħol li Bernard Grech jidhirlu xieraq.