Sunday, November 24, 2024

Jisħaq fuq il-ħtieġa li tissokta l-ħidma biex tittejjeb il-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi

Aqra wkoll

Il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard attenda u pparteċipa fil-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja li ltaqa’ fi Brussell. Il-laqgħa bdiet b’diskussjoni dwar numru ta’ proposti leġislattivi, fosthom dwar regolamenti fuq it-trasferiment ta’ proċeduri f’materji kriminali u direttiva li temenda d-direttiva eżistenti dwar id-drittijiet tal-vittmi.

Dwar dan is-suġġett, il-Ministru Attard saħaq fuq kemm huwa ċar li hija meħtieġa ħidma biex tkompli tittejjeb il-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi u tiġi evitata l-vittimizzazzjoni mill-ġdid. Dwar il-kumpens għall-vittmi, huwa qal li m’għandux ikun hemm dubji li l-kumpens għall-vittmi għandu jkun wieħed adegwat u li, sa fejn ikun possibbli, dan għandu jasal mingħand l-awtur tar-reat.

Il-Ministru rrefera għall-ħidma mwettqa u li qed titwettaq mill-Gvern Malti fejn jidħlu l-vittmi, inkluż fejn jidħlu t-tfal. Huwa qal li qiegħed isir investiment, fuq livell nazzjonali, sabiex jinħoloq ambjent favur it-tfal, inkuż fi kwistjonijiet marbuta mal-liġi tal-familja. 

Fuq l-aġenda tal-Kunsill tal-Ministri, kien hemm ukoll l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u anke l-funzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO).

Dwar dan is-suġġett il-Ministru Attard irrimarka, “Il-koperazzjoni fl-operat bejn l-EPPO u l-Awtoritajiet nazzjonali Maltin tjiebet b’mod effettiv u nħarsu ’l quddiem biex inkomplu l-proċess leġislattiv fil-Parlament ta’ Malta, sabiex b’emendi fil-Kodiċi Kriminal tkompli tissaħħaħ il-koperazzjoni operattiva.”

Sport