Hekk kif ilbieraħ saret vejla biex titfakkar Pelin Kaya ta’ 30 sena mit-Turkija li mietet f’inċident traġiku fil-Gżira, Arnold Cassola fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook tkaża li l-istabbiliment tal-ikel KFC ma għalaqx għal waqt din il-velja.
Cassola li hu magħruf sew għall-kitbiet tiegħu li permezz tagħhom jesprimi l-ħsibijiet tiegħu sostna li KFC wera nuqqas ta’ dinjità lejn Pelin meta waqt il-velja baqa’ jservi l-ikel. “Issa morru qaxxru qamla”, sostna Cassola.
Intant f’kummenti li segwew il-kitba tiegħu li bdiet tinxtered minħabba reazzjonijiet imħallta kien hemm uħud li qablu miegħu u oħrajn li ħassew li fl-opinjoni tagħhom dan kien kumment mhux floku.
Fost dawn kien hemm persuni li qalu li minkejja li seta’ tqies bħala ġest ta’ nuqqas ta’ rispett, ladarba l-awtoritajiet ma talbux li l-ħanut jinżamm magħluq, il-persuni li kienu qegħdin imexxu l-istabbiliment ilbieraħ kienu biss impjegati u kien fid-dmir tagħhom li jirrappurtaw għax-xogħol u jimxu skont l-ordnijiet ta’ min iħaddimhom.
Oħrajn saħansitra ġibdu l-attenzjoni li ovjament jekk stess l-istabbiliment kien se jagħlaq kmieni, il-ħaddiema kienu se jispiċċaw ibatu finanzjarjament b’nuqqas fis-salarju tagħhom.