Tuesday, December 24, 2024

Jisħqu dwar l-għeluq tal-Mediterraneo Marine Park wara mewt ta’ dniefel “b’negliġenza”

Aqra wkoll

Il-Moviment Graffitti, Animal Liberation Malta, Association for Abandoned Animals (AAA), Island Sanctuary, Animal Protectors Malta, Nature Trust Malta, Real Animal Rights Foundation (RAR), Extinction Rebellion Malta, Animal Guardians Malta, CSAF, Dolphin Project, Marine Connection UK, MSPCA, Noah’s Ark Sanctuary, Flimkien għal Ambjent Aħjar u BICREF qed jikkollaboraw biex jitolbu li l-liċenzja li biha l-Mediterraneo Park jopera bħala zoo tiġi revokata u eventwalment biex jingħalaq il-Park.

Fi stqarrija maħruġa mill-Moviment Graffitti ntqal li wara l-aħbar xokkanti tan-negligenza kbira min-naħa tal-park, li swiet il-ħajja ta’ tliet dniefel, u l-azzjonijiet tal-mistħija tad-Diviżjoni tar-Regolamentazzjoni Veterinarja u Fitosanitarja (VRD), l-NGOs imsemmija jħossu l-bżonn li jsemmgħu leħinhom.

L-organizzazzjonijiet qalu li ma jistgħux jifhmu kif il-gvern kien kuraġġuż biżżejjed biex jipprojbixxi iċ-ċirkli tal-annimali fl-2014, filwaqt li jkompli joħroġ l-permess lil Mediterraneo sabiex jopera b’liċenzja ta’ zoo, minkejja li l-Marine Park joffri wirjiet tal-annimali għad-divertiment bħal taċ-ċirkli, bl-iskuża li huwa zoo. Hija inaċċettabbli li l-Marine Park jitħalla jibqa’ miftuħ u jopera, minkejja li l-annimali fil-park huma ttrattati bħal annimali taċ-ċirku sfurzati biex jagħtu wirjiet għad-divertimenti u għall-qligħ.

F’appell quddiem dan kollu flimkien ma’ dak kkwotat fl-investigazzjoni li saret b’rabta mal-mewt tad-dniefel, dawn l-għaqdiet qed jitolbu lill-awtoritajiet responsabbli biex mhux biss tiġi revokata l-liċenzja u jingħalaq il-park imsemmi, iżda anke li tieqaf immedjatament l-importazzjoni, it-trobbija u l-isfruttament tad-dniefel li qed jinżammu fi skjavitù u biex jiġu evitati aktar imwiet, abbuż u negliġenza.

Huma qed jissuġġerixxu li l-park jinbidel f’ċentru ta’ rijabilitazzjoni għall-ħlejjaq akkwatiċi, anki għax il-pożizzjoni tiegħu hija perfetta għal dan l-użu minħabba li jinsab qrib il-baħar. Malta jista’ jkollha l-opportunità li toħloq pedament għall-ħarsien tal-annimali tal-baħar, filwaqt li d-dniefel li fadal fil-park għandhom ikollhom l-opportunità li jingħataw post mill-ġdid fi pjuma tal-baħar sabiex jgħixu ħajja aktar naturali u jieqfu jiġu użati u sfruttati għad-divertiment.

Ekonomija

Sport