Il-gass Russu li jgħaddi mill-Ukrajna waqaf jintbagħat lejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea wara li skada ftehim ta’ ħames snin, li jimmarka wkoll it-tmiem ta’ arranġament li kien sar għexieren ta’ snin ilu. Moska ilha tesporta l-gass lejn l-Ewropa permezz tal-Ukrajna mill-1991.
Filwaqt li l-effetti immedjati jidhru li huma huma ħfief, l-impatt strateġiku u simboliku għall-Ewropa kollha huwa enormi. Dan wassal għal reazzjonijiet imħallta u wħud minnhom karatterizzati minn sens ta’ rabja fost diversi pajjiżi l-iktar dawk tal-Ewropa tal-Lvant.
Wara li skada l-ftehim, il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li pajjiżu mhux se jħalli lir-Russja tkompli taqla’ aktar biljuni minn fuq id-demm tal-poplu Ukren. Intant, il-Gvern tal-Polonja qal li l-qtugħ tal-gass kien telfa oħra għal Moska.
Il-Kummissjoni Ewropea kienet ħejjiet għal din l-eventwalità u ħafna mill-istati jistgħu jlaħħqu mad-domanda għall-gass. Il-Moldova, li mhix fl-Unjoni Ewropea iżda, diġà qed issofri minn skarsezza ta’ gass.
Ir-Russja xorta tista’ tibqa tibgħat il-gass lejn l-Ungerija, it-Turkija u s-Serbja permezz tal-pipeline TurkStream madwar il-Baħar l-Iswed.
Il-kumpanija Russa Gazprom ikkonfermat li l-esportazzjonijiet tal-gass li jgħaddi mill-Ukrajna lejn l-Ewropa waqfu mit-8:00 ta’ filgħodu ħin lokali nhar l-Erbgħa. Ir-Russja tilfet suq importanti, iżda l-president Vladimir Putin, jgħid li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li se jbatu l-aktar.
L-UE naqqset b’mod sinifikanti l-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja minn mindu nediet l-invażjoni tagħha fuq skala sħiħa tal-Ukrajna fl-2022, iżda għadd ta’ stati membri tal-Lvant għadhom jiddependu ħafna fuq il-provvisti, u b’hekk ir-Russja kienet qed tagħmel madwar €5 biljun sena.
Il-gass Russu jammonta għal inqas minn 10% tal-importazzjonijiet tal-gass tal-UE fl-2023. Dik iċ-ċifra kienet 40% fl-2021. Iżda diversi membri tal-UE, inklużi s-Slovakkja u l-Awstrija, komplew jimportaw ammonti sinifikanti ta’ gass mir-Russja.
It-tmiem tal-ftehim dwar it-tranżitu diġà kkawża tensjonijiet serji mas-Slovakkja, li issa hija l-punt tad-dħul ewlieni tal-gass Russu fl-UE.
Is-Slovakkja qalet li issa se jkollha tħallas aktar għal rotot alternattivi. Ir-regolatur tal-enerġija tal-pajjiż fil-fatt diġa ħabbar kmieni f’Diċembru li l-prezzijiet tal-gass għall-konsumaturi se jogħlew fl-2025.
Robert Fico, il-Prim Ministru tas-Slovakkja, qal nhar l-Erbgħa li t-tmiem tal-ftehim ikollu konsegwenzi “drastiċi” għall-pajjiżi tal-UE, iżda mhux fuq ir-Russja. Nhar il-Ġimgħa, Fico, li kien għadu kemm temm żjara sorpriża f’Moska għal taħditiet ma’ Putin, hedded li jieqaf milli jforni l-elettriku lill-Ukrajna. Dan wassal biex Zelensky jakkuża lil Fico li għen lil Putin jiffinanzja l-gwerra u jdgħajjef l-Ukrajna.
Il-Polonja offriet li tappoġġja lil Ukrajna f’każ li s-Slovakkja twaqqaf l-esportazzjoni tal-elettriku lill-Ukrajna, provvisti li huma kruċjali għall-Ukrajna li l-impjanti tal-enerġija tagħha jiġu attakkati regolari mir-Russja.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Pollakk Radoslaw Sikorski qal li kien hemm rotot alternattivi ta’ provvista tal-gass minn swieq internazzjonali, bħal terminal fil-Kroazja u konnessjonijiet mill-Ġermanja u l-Polonja.
“Dawn ir-rotot għandhom jiġu esplorati sabiex ir-Russja ma tagħmilx flus mill-bejgħ taż-żejt u l-gass lill-Unjoni Ewropea,” qal Sikorski.
Il-Polonja qed timporta gass mill-Istati Uniti, mill-Qatar u mill-Baħar tat-Tramuntana, żied jgħid.
Il-Moldova – li mhix parti mill-UE – tista’ tiġi affettwata serjament mit-tmiem tal-ftehim ta’ tranżitu. Il-pajjiż jiġġenera ħafna mill-elettriku tiegħu f’power station li taħdem bil-gass Russu.
Il-kumpanija Russa tal-gass Gazprom kienet qalet fit-28 ta’ Diċembru li se tirrestrinġi l-gass għall-Moldova fl-1 ta’ Jannar għax qalet li naqset milli tissodisfa l-obbligi ta’ ħlas tagħha.
Dorin Recean, il-Prim Ministru tal-Moldova, ċaħad l-allegat dejn u akkuża lir-Russja li tuża “l-enerġija bħala arma politika” f’post fuq il-midja soċjali. Qal li din il-mossa tħalli lil Transnistrija “mingħajr dawl u mingħajr sħana f’nofs ix-xitwa”.
L-UE sabet sorsi alternattivi fil-gass naturali likwifikat (LNG) mill-Qatar u l-Istati Uniti, kif ukoll gass bil-pajpijiet min-Norveġja, mill-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna.