Friday, December 13, 2024

Jiskatta x-xogħol fuq iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Motorsport f’Ħal Far

Aqra wkoll

Bl-iffirmar ta’ ftehim, skatta x-xogħol fuq il-proġett taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Motosport f’Ħal Far, b’investiment ta’ madwar €20 miljun.

“Dan huwa investiment li se jara li pajjiżna jkollu ċentru tal-motorsport ta’ livell internazzjonali u li se tkun wegħda oħra mwettqa b’għaqal u li minnha se jgawdi kulħadd. Xogħol li flimkien mal-proġetti kollha li qed isiru, kemm infrastrutturali u wkoll miżuri li permezz tagħhom qed ninvestu dirett fl-isportivi, qed inpoġġu l-isport fuq nett tal-aġenda tal-gvern,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima.

Iż-żewġ ftehim kienu ffirmati wieħed bejn il-Fond Soċjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF) ma’ SportMalta u l-ieħor mal-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport. Pemezz tal-ftehim, l-NDSF se tgħaddi madwar €16-il miljun għaċ-Ċentru Nazzjonali tal-Motorsport f’Ħal Far.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat stqarr li l-proġett taċ-Ċentru Nazzjonali għall-Motorsport se jkun qed isir realtà b’investiment ta’ €20 miljun. “Dan hu investiment fl-isportivi kollha tal-motorsport. Investiment bla preċedent fil-komunità sportiva. Dejjem ngħidu li qed ninvestu fil-komunità. Bi pjaċir illum se nkunu qegħdin nattwaw dak li ħabbarna ftit tax-xhur ilu sabiex ix-xogħol ikun jista’ jiskatta,” qal is-Segretarju Parlamentari.

Il-proġett kien diskuss u tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa tal-Kabinett li kienet saret fil-Padiljun tal-Basketball f’Ta’ Qali fost l-isportivi.

Il-pjanti għal dan il-proġett huma lesti fuq disinn ta’ esperti Ġermaniżi u fuq għażla tal-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport, u fuq mudell ta’ finanzjament maqbul ukoll, kif ġie ffirmat. Iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Motorsport f’Ħal Far se jkun qed jassigura li jsaħħaħ id-drag racing u l-karting li diġà huma eżistenti, filwaqt li jinbena ċirkwit biswit dawn l-istess faċilitajiet. Se jsir upgrade tal-faċilitajiet eżistenti tad-drag racing u l-karting u permezz tal-investiment li se jsir, diġà hemm kommessi avvenimenti internazzjonali f’pajjiżna. Dan il-proġett mhu se jieħu l-ebda art li hija ’l barra miż-żoni tal-iżvilupp imma se jsir fuq art li bħalissa diġà tintuża għal attività simili.

Il-President tal-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport Duncan Micallef saħaq kif il-gvern dejjem kien ta’ spalla għall-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport. “Għalkemm għad m’hemmx xogħol viżibbli, nistgħu niggarantixxu li xi drabi qed isir ħafna, diffiċli għalina nemmnu dak li diġà ksibna. B’dan il-proġett, il-Federazzjoni se tkun f’pożizzjoni li tinvesti fis-sewwieqa żgħażagħ tagħha biex tiżdied il-popolarità u l-professjonalità fl-isport,” temm jgħid is-Sur Micallef.

B’dan il-proġett se tkun imwettqa wegħda oħra b’għaqal u li twassal għal aktar minn 95% tal-miżuri sportivi tal-manifest elettorali implimentati.

Ekonomija

Sport