Sunday, March 15, 2026

Jispikka l-għaqal ta’ Dom Mintoff 

Aqra wkoll

Il-mod li bih l-Iran irritalja għall-attakk konġunt li sar fuqu mill-Istati Uniti u Iżrael wera kemm kien għaqli l-eks-Mexxej u eks-Prim Ministru Laburista l-Perit Dom Mintoff meta wassal biex f’pajjiżna QATT AKTAR MA JKUN HAWN BAŻIJIET MILITARI TAL-BARRANI. Min ma jiftakarx din il-ħalfa solenni minn Dom Mintoff riflessa fil-monument tal-Għolja tal-Ħelsien fil-Birgu waqt li kienet ħierġa mill-Port il-Kbir l-aħħar frejgata Ingliża, HMS London, fil-31 ta’ Marzu 1979, Jum il-Ħelsien?

Rajna lill-Iran, immaterjali għandux raġun jew le, jattakka pajjiżi bogħod mill-Amerika, imma li fit-territorju tagħhom għandhom bażijiet militari Amerikani. Rajna u qegħdin naraw it-tensjoni li biha tinsab maħkuma d-dinja. Rajna u qegħdin naraw it-tensjoni madwar Ċipru, bħalna gżira fil-Mediterran. Kollox dovut għax għandhom fi ħdanhom bażijiet militari tal-barrani. Sitwazzjoni riflessa fi kliem il-mibki poeta Ray Mahoney fil-lirika tar-Rock Opera ĠENSNA bil-vers għadu tagħhom għamluh tagħna. Il-bikja fil-versi mitna għal xejn, mitna għall-barrani. Imnejn safejn?

F’sitwazzjoni bħal din ma tistax ma tiftakarx u ma tirrealizzax kemm kien għaqli Dom Mintoff meta rnexxielu jikkonvinċi lill-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi biex f’Ġunju 1971 jagħżel li mingħajr il-preżenza fostna tal-bażi militari tal-barrani konna kapaċi naqdfu għal rasna. Ma tistax ma tiftakarx, u jagħmel ferm u ferm ħażin il-Partit Laburista jekk ma jkomplix ifakkar dak li wassal għall-31 ta’ Marzu 1979. Għal Jum il-Ħelsien. 

Ejjew ma ninsewx kemm kellna min ipprova jxewwwex lill-poplu kontra l-Gvern Laburista tal-1971 li sa mill-ewwel jiem tiegħu għamilha ċara daqs il-kristall lill-Gvern Ingliż, li ħbieb konna u  mija  nibqgħu imma bażi militari tiegħek fostna LE, QATT IŻJED.

Ejjew ma ninsewx kemm kien hawn min ipprova jwerwer lill-poplu Malti u Għawdxi li mingħajr il-bażi militari tal-Ingliżi fostna konna se mmutu bil-ġuħ.

Ejjew ma ninsewx kemm kien hawn min ipprospetta li barra l-portijiet tagħna kmien hemm diġà l-flotta Russa tistenna biex mat-tluq tal-aħħar frejgata Ingliża tidħol hi fil-portijiet tagħna.

Ejjew ma ninsewx kemm kien hawn min ipprova jwerwirna li għax Dom Mintoff fetaħ relazzjonijiet maċ-Ċina dawn kienu se jibilgħuna. 

Ejjew ma ninsewx li pass bħal dan minn Dom Mintoff kien segwit minn għadd kbir kbir ta’ pajjiżi, fosthom Ewropej, li ġrew lejn iċ-Ċina biex jagħmlu dak li għamel Dom Mintoff.

Ejjew ma ninsewx kemm kien hawn min ried jirredikola lil Dom Mintoff bil-klawsola fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna li tiggarantixxi n-newtralità ta’ din il-blata għażiża.

Rajna u qegħdin naraw x’qed jiġri f’pajjiżi oħrajn fejn, għal raġunijiet li jafuhom huma, ma kellhomx min iħares fil-bogħod bħalma kellha Malta b’Dom Mintoff.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport