Saturday, October 26, 2024

Jispjega li bir-riċetta tal-aħħar snin se nibqgħu nżidu fit-telf ta’ ħin fit-traffiku

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol waqt it-tnedija ta' stħarriġ li se jbiddel ir-riċetta tal-iżvilupp ekonomiku

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ninsab kburi li ninsab hawnhekk għax dan il-Ministeru ma jitrattax biss il-finanzi, iżda jinkludi kappell ieħor importanti li jinkludi s-suq tax-xogħol u għalhekk għall-Finanzi u x-Xogħol. Iddikjara dan il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana waqt it-tnedija tal-istħarriġ tal-ħiliet f’pajjiżna, inizjattiva oħra msemmija fil-budget.

Huwa qal li l-mutur ewlieni tal-ekonomija tagħna huwa s-suq tax-xogħol u li mingħajru, bħala Ministru ma jkunx jista’ jfassal il-politika ta’ dan il-gvern li fl-aħħar snin ibbażat ukoll fuq li tkun spalla mal-poplu fl-aktar żminijiet diffiċli.

Il-Ministru Caruana qal li fiż-żewġ leġiżlaturi li għaddew, il-politika tagħna kienet ibbażata fuq il-fatt li dan il-pajjiż kellu bżonn iktar riżorsi umani biex jespandi l-kapaċitajiet tiegħu. Tant hu hekk li s-suq tax-xogħol tagħna baqa’ jikber bl-ammont ta’ nies li jistgħu jaħdmu, mill-qiegħ, illum tela’ għat-tmien wieħed. Madanakollu, il-Ministru qal li ma nistgħux nibqgħu nsibu t-triq għat-tkabbir ekonomiku fuq din ir-riċetta.

Huwa għamel distinzjoni bejn it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp ekonomiku. Sostna li l-iżvilupp ekonomiku ma jirreferix għall-fatt li l-flus ikollhom biss iżjed flus fil-but imma t-totalità ta’ kif dak li jkun jgħix il-ħajja tiegħu.

Żied jgħid li r-riċetta tal-aħħar snin, se twassal biex minflok siegħa, filgħodu se nibdew nagħmlu siegħa u nofs sagħtejn jew f’każi bħalma huwa t-turiżmu, se nibqgħu nżidu kmamar li eventwalment jispiċċaw ma jimtlewx u dan kollu jkun ifisser li nkunu qegħdin naħlu r-riżorsi tagħna.

“L-ebda gvern ma jista’ jiggarantixxi prosperità jekk din ma tkunx ibbażata fuq pjan ibbażat fuq in-numri u r-riċerka”, kompla jispjega l-Ministru filwaqt li kompla biex jisħaq dwar l-importanza ta’ dan l-istħarriġ li se jagħti stampa aktar ċara ta’ lil fejn irridu mmorru.

Aktar dwar dan l-Istħarriġ 

Sa mit-Tnejn li għadda individwi madwar Malta u Għawdex bdew jiġu notifikati li ġew magħżula biex jipparteċipaw fi stħarriġ li mistenni janalizza l-ħiliet f’pajjiżna.

Dan l-istħarriġ nazzjonali, li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fl-Unjoni Ewropea se jkun qiegħed isir bejn Ottubru u Diċembru u l-ħsieb huwa li jagħti dawl fuq il-ħiliet u l-kompetenzi tal-ħaddiema f’pajjiżna. Dan se jkun qiegħed jgħin biex pajjiżna jkollu stampa aħjar ta’ dawk l-industriji li l-aktar li hemm bżonn li ssir enfasi fuqhom biex itejbu l-livelli tagħhom.

130,000 persuna bejn il-15 u l-64 sena li jgħixu fi proprjetajiet privati ġew magħżula b’mod li ma kinux magħrufa minn qabel. Hu stmat li dan l-ammont huwa ekwivalenti għal madwar nofs il-persuni li huma fl-età tax-xogħol f’pajjiżna. Minn fost dawn hemm 103,062 li huma Maltin filwaqt li l-bqija huma barranin li jaħdmu f’pajjiżna. Dawn il-barranin li ntgħażlu biex jipparteċipaw ġew magħżula fuq kriterju li jitlob li jkun ilhom mill-inqas ħames snin jaħdmu f’pajjiżna.

Sport