Sunday, December 22, 2024

Jisraq credit card u jmur jixtri biha minn diversi ħwienet

Aqra wkoll

Raġel li seraq credit card biex imur jixtri biha oġġetti tal-ikel minn diversi ħwienet ngħata sentenza sospiża wara li ammetta għal akkużi dwar serq u frodi.

Fil-Qorti ntqal li din il-credit card ġiet irrapportata nieqsa nhar il-21 ta’ Jannar li għadda, f’xi ħin bejn l-4.00 p.m. u s-7.30 p.m.

Aktar tard huwa rċieva messaġġ li jindika li din kienet intużat fi tranżazzjoni li saret f’Convenience Shop fiż-Żejtun. Ftit tal-ħin wara, irċieva messaġġ ieħor li jgħid li kienet saret it-tieni tranżazzjoni.

L-investigaturi kisbu filmati mill-ħwienet fejn kienet intużat il-credit card u rnexxielhom jaslu għas-suspettat li kien mar jixtri flimkien mas-sieħba tiegħu.

Nadim Mharam Abdul Gader Mharam ta’ 40 sena ġie identifikat bħala r-raġel involut f’dan il-każ, li regolarment kien jiffirma fl-għassa b’rabta ma’ każ separat.

Il-Prosekuzzjoni qalet li r-raġel nefaq minn tal-inqas €150 fi tlett iħwienet f’temp ta’ ftit sigħat.

Meta tressaq il-Qorti, ir-raġel ġie mixli b’serq aggravat u frodi għad-detriment tal-bank u s-sidien tal-ħwienet. L-imputat wieġeb ħati u ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultat €500.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jonathan Cassar u Doriette Cuschieri. L-Avukat Mark Mifsud Cutajar deher għar-raġel.

Ekonomija

Sport