Sunday, November 24, 2024

Jisraq ħwejjeġ tad-ditta minn fuq il-fast ferry… għandu problema kbira ta’ droga

Aqra wkoll

Raġel ta’ 37 sena kien akkużat u nstab ħati li kkommetta sera ta’ ħwejjeġ tad-ditta li l-valur tagħhom jaqbeż il-€230. Fil-Qorti ħareġ li l-akkużat,  Alexander Angileri għandu problema akuta ta’ droga. Hu ingħata sentenza sospiża għal tlett snin.

L-akkużi kienu jirrigwardaw serqa ta’ sitt biċċiet ħwejjeġ tad-ditta minn basket li kien hemm fuq il-catamaran li jaqsam bejn Għawdex u Malta. Mill-filmati tal-cameras tas-sigurta li kienu jinsabu fuq l-istess catamaran, hu deher jieħu dawn il-ħwejjeġ li kienu jinsabu f’basket. Hu ammetta li  kien ħu li ħa dawn il-ħwejjeġ fl-istqarrija li ta lill-Pulizija, liema stqarrija huwa irrilaxxaha wara li kien mogħti d-drittijiet legali kollha tiegħu.

Il-Qorti semgħet is-sottomissjonijiet tal- Prosekuzzjoni u d-Difiża. Irriżulta li hu għandu problema akuta ta’ droga u qed jagħmel tentattivi biex jiġi ammess għall-programm residenzjali fi sforz biex joħroġ mill-vizzju. Il-Qorti qalet li dan kollu ma jiskużax l-azzjonijiet tiegħu. Jidher mill-fedina penali tiegħu li huwa xilef difru mal-ġustizzja diversi drabi u kellu każijiet oħra ta’ serq. 

Min-naħa l-oħra, il-Qorti qieset li billi hu jingħata piena karċerarja effettiva jew inkella multa għar-reati li huwa wettaq b’daqshekk mhux se jkollu għajnuna biex huwa joħroġ miċ-ċirku vizzjuż li huwa spiċċa fih u l-probabbilita hi li jerġa’ jispiċċa jixlef difru mal-ġustizzja. 

Ġie suġġerit biex fid-dawl taċ-ċirkostanzi li fihom jinsab l-akkużat  jkun hemm ordni ta’ probation flimkien ma’ ordni ta’ trattament. Dan biex anke hu jingħata l-għajnuna kollha possibbli fi sforz sabiex jirriforma ruħu. 

Sport