Saturday, October 18, 2025

Jissaħħu l-miżuri għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin

Aqra wkoll

Ġie ssiġġillat ftehim bejn il-Gvern u l-Valletta Cruise Port li jipprovdi għal sħubija strateġika u għal koperazzjoni b’inizjattivi għal prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin.

Il-ftehim ġie iffirmat biex jimmarka l-Jum Ewropew kontra t-Traffikar tal-Bnedmin u jimplimenta parti mill-istrateġija nazzjonali li tfasslet mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg spjegat li dal-ftehim jistabbilixxi qafas ta’ kollaborazzjoni b’enfasi fuq it-taħriġ għall-impjegati tal-Valletta Cruise Port biex jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom li jidentifikaw passiġġieri li potenzjalment jistgħu jkunu vittmi tat-traffikar uman u biex jaġixxu b’mod sigur u effettiv biex jitwaqqaf l-abbuż fuq persuni vulnerabbli.

Sar qbil ukoll biex flimkien issir kampanja ta’ għarfien fit-terminal tal-port li ser tipprovdi tagħrif dwar is-servizzi ta’ appoġġ għal vittmi. Ser jiġu żviluppati Proċeduri Operattivi Standard għall-ħaddiema tal-port dwar kif għandhom jaġixxu f’każijiet suspettati tat-traffikar tal-bnedmin fl-interess tal-vittmi.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li “b’dan il-ftehim ser ikun hemm bdil ta’ informazzjoni li biha jiġu identifikati xejriet ta’ vjaġġar li possibbilment iwassal għal riskji akbar tat-traffikar. B’din l-informazzjoni tgħin biex  jissaħħaħ ir-rispons nazzjonali kontra dan ir-reat gravi tat-traffikar tal-bnedmin.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port, Stephen Xuereb, qal li dal-ftehim jixhed l-impenn tal-kumpanija li tifhem ir-responsabiltà soċjali tagħha li tappoġġja l-isforzi nazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin billi bis-servizz tas-sigurtà tagħha  tkun viġilanti kontra dan l-abbuż fil-konfini tat-terminals tagħha.

Is-Sur Xuereb qal li b’dan il-ftehim mad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Valletta Cruise Port ser isaħħaħ il-kapaċità tiegħu biex jassigura li  t-terminals tiegħu barra li jkun il-punt tal-wasla fil-pajjiż ikun wkoll il-post ta’ sigurtà  u protezzjoni għall-vittmi tat-traffikar uman.

Fuq l-istess linji ta’ dan il-ftehim, id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem għandu wkoll arranġamenti simili mal-Malta International Airport.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport