Saturday, January 17, 2026

Jissokta l-investiment b’risq il-mobbiltà fl-anzjanità attiva

Jiżdiedu b’20% l-anzjani li jużaw dawn is-servizzi

Aqra wkoll

Waqt li kien qed jinawgura investiment ta’ żewġ vannijiet elettriċi ġodda mal-flotta diġà disponibbli għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u San Vinċenz de Paul, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea qal li dawn il-vannijiet ser ikomplu jsaħħu s-sistema ta’ trasport provdut lill-anzjani u ser ikomplu jindirizzaw id-domanda għal servizzi personalizzati u aċċessibbli fil-komunità.

Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea saħaq li l-Gvern jibqa’ kommess li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani billi jinvesti f’servizzi li jiffaċċilitawlhom il-qadi tal-ħtiġijiet tagħhom. Xhieda ta’ dawn huwa l-fatt li dan is-servizz, li ilu għaddej mill-2019 u issa jkopri l-lokalitajiet kollha f’Malta u Għawdex, ra żieda ta’ 20% fil-vjaġġi li saru mill-anzjani tul is-sena 2025, bi kważi 3,000 anzjan/a jibbenefikaw minn 57,527 vjaġġ permezz tas-servizz Silver T.

Daqstant ieħor l-użu ta’ dawn il-vannijiet ser ikompli jsaħħaħ is-servizzi mogħtija minn San Vinċenz de Paul partikolarment dawk marbuta mad-Day Clinic. Dr Agius Galea rrimarka kif San Vinċenz de Paul irdoppja l-attività fid-Day Clinics bejn l-2023 u l-2025, u fil-fatt fl-2025 ingħataw madwar 29,000 appuntament fid-Day Clinic. Dan kollu qed jixpruna aktar inizzjattivi fi ħdan San Vinċenz de Paul li ser iwasslu biex f’qasir żmien ikompli jespandi s-servizzi mogħtija.

“Ninnota b’sodisfazzjoni li l-ħidma kollettiva f’dan il-qasam qed tkompli tħalli r-riżultati mixtieqa b’risq l-anzjani u l-għeżież tagħhom. Il-Gvern jibqa’ kommess li jkompli jżid is-servizzi ta’ kwalità favur l-anzjani tagħna,” temm jgħid Dr Agius Galea.

Is-Segretarju Permanenti Dr Renzo Degabriele qal li bl-introduzzjoni ta’ dawn iż-żewġ vetturi elettriċi addizzjonali se tkompli tissaħħaħ l-aċċessibbiltà għal persuni li jgħixu fil‑komunità, inklużi dawk li jiffrekwentaw id‑Day Clinic ta’ San Vinċenz de Paul u l-anzjani li jagħmlu użu mis-servizz tas‑Silver T. Din l-inizjattiva se tgħin biex titjieb il-mobilità u l-appoġġ li jingħata lil anzjani b’mod aktar sostenibbli u effiċjenti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport