Saturday, December 21, 2024

Jissokta l-proċess tal-liċenzjar tal-kuntratturi

Il-Ministru Jonathan Attard jisħaq dwar il-kompetenza ta’ dawk li jaħdmu fis-settur

Aqra wkoll

L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni flimkien mal-Kumitat dwar il-Liċenzjar tal-Kuntratturi tellgħu żewġ laqgħat ta’ informazzjoni għal dawk kollha li kienu applikaw għal-liċenzja tal-kuntratturi. Il-laqgħat itellgħu flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-Bennejja u l-Kuntratturi u l-Malta Excavation, Demolition and Recycling Association.

Dan se jkun l-ewwel eżerċizzju fl-istorja tal-industrija tal-kostruzzjoni li se jinħarġu liċenzji għal kuntratturi li jaħdmu fit-twaqqigħ, l-iskavar u l-bini. Fil-fatt mill-1 ta’ Jannar li ġej dawk kollha li jaħdmu f’dawn l-oqsma se jkollhom l-obbligu li jkunu liċenzjati.

Għaż-żewġ laqgħat, li saru fl-Istitut Kattoliku fil-Furjana, attendew ‘l fuq minn 500 kuntrattur li jaħdmu fit-twaqqigħ u/jew l-iskavar u l-piling u/jew il-bini u li beħsiebhom ikomplu joperaw taħt il-liġi l-ġdida. Fil-laqgħat, li ġew indirizzati mill-Aġent Kap Eżekuttiv tal-BCA, il-Perit Roderick Bonnici, u c-Chairperson tal-kumitat dwar il-Liċenzjar tal-Kuntratturi, il-Perit Godwin Agius, ġie spjegat il-proċess kollu li fadal sabiex jinħarġu l-ewwel liċenzji tal-kuntratturi. Fil-fatt fil-jiem li ġejjin il-BCA se tkun qed tibgħat l-aħħar korrispondenza lill-applikanti kollha sabiex jissottometu l-aħħar dokumentazzjoni li fadal.

Sadanittant, l-Awtorità se tibqa’ tirċievi aktar applikazzjonijiet għal-liċenzji ġodda, li madankollu dawn mhux bilfors tilħaq tinħarġilhom il-liċenzja sal-1 ta’ Jannar. L-ewwel preferenza se tkun qed tingħata lil dawk kollha li sa issa kien qed jaħdmu b’permess temporanju mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni.

Fil-laqgħat ġie spjegat kif il-liċenzji se jkunu qed jinħarġu kemm lill-persuni li jaħdmu f’dan is-settur u anke lill-kumpaniji. Fil-każ ta’ kumpaniji, dawn iridu jaħtru amministratur li fuqu tinħareġ il-liċenzja lill-kumpanija. Il-liċenzja se toħroġ abbażi tal-kompetenza, esperjenza u proġetti, u għalhekk mhux mħtieġ li jsir eżami sabiex persuna jew kumpanija tikseb il-liċenzja.

Il-Perit Godwin Agius, qal li fil-każ tal-liċenzja tal-kuntratturi tal-bini hija obligatorja l-liċenzja tal-bennej. Il-Perit Agius żied jgħid li dawn il-liċenzji, tal-kuntratturi u tal-bennejja, se jwasslu sabiex ikun hemm aktar serjetà u anke responsabiltà fuq is-siti tal-kostruzzjoni, dan hekk kif l-BCA se jkunu jistgħu jissospendu jew jirtiraw il-liċenzja lura.

L-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-Perit Roderick Bonnici, qal kif il-proċess tal-liċenzji li qed tieħu ħsiebu t-taqsima tal-liċenzjar fi ħdan il-BCA flimkien mal-Kumitat, qed issir id f’id mal-partijiet kollha u ċioe’ il-kuntratturi u anke l-bennejja. Huwa rringrazzja lil kulħadd tal-koperazzjoni f’dan il-proċess u fakkar biex kull minn għandu xi problema jċempel lill-Awtorità fuq in-numru 138.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Dr Jonathan Attard qal kif il-liġi u l-proċeduri l-ġodda ta’ liċenzji se jkunu qed jagħtu iżjed serħan il-moħħ, hekk kif permezz tagħhom se jkun żgurat li dawk li jaħdmu f’siti ta’ kostruzzjoni għandhom il-kompetenza u l-esperjenza meħtieġa fis-settur.

Ekonomija

Sport