Saturday, December 21, 2024

Jissolva l-misteru tar-ritratt ta’ tlett ibniet li rnexxielhom jaħarbu l-qilla tal-Olokawst

Aqra wkoll

Għal iktar minn 80 sena, l-identità ta’ tlett ibniet Lhud li rnexxielhom jaħarbu mill-qilla tal-Ġermanja Nażista u li għal snin twal ir-ritratt tagħhom it-tliet flimkien sar ikona u deher f’diversi mużewijiet, wirjiet u pubblikazzjonijiet, kienet misteru.

Riċentament, il-kobba nħallet, u ġew identifikati bħala Ruth u Inge Adamecz (żewġt aħwa ta’ 10 u ħames snin rispettivament), u Hanna Cohn (ta’ 10 snin).
Kienet Hanna (mietet fl-2018) minnhom it-tlieta, li saret taf l-ewwel bl-eżistenza tar-ritratt, meta ħuha t-tewmi, Hans (aktar tard sar magħruf bħala Gerald) lemaħ l-istess ritratt waqt wirja f’Camden Library f’Londra fejn tfakkar il-50 anniversarju tal-Kindertransport. Qalet dan hi stess f’intervista li kellha mal-Università ta’ Londra.

Hanna u Hans, tewmin minn Halle (il-Ġermanja), lura fl-1939 inzertaw kienu fuq l-istess ferrovija maż-żewġt aħwa bniet li kienu ħarbu minn Breslau — belt li dak iż-żmien kienet tagħmel parti mill-Ġermanja, iżda llum hija parti mill-Polonja u l-isem tal-belt inbidel għal Wroclaw. Dan filwaqt li omm iż-żewġt ibniet u oħthom iż-żgħira Gretel baqgħu l-Ġermanja u nqatlu f’Auschwitz. Min-naħa l-oħra, Ruth mietet fl-2015.

Inge qalet li kienet b’kumbinazzjoni li saret taf b’dan ir-ritratt tagħhom it-tlieta li kien ittieħed fil-London’s Liverpool Street Station. Meta saret pensjonanta ġie f’idha l-ktieb “Never Again” tal-istoriku Martin Gilbert. Hija qalet li kienet sorpriża kbira għaliha għax lanqas biss kienet taf bl-eżistenza ta’ dan ir-ritratt.

Ulied Hanna, it-tewmin Debbie u Helen Singer, qalu li minn dejjem jiftakruha kurjuża immens biex issir taf min kienu ż-żewġt ibniet l-oħra. Kien f’Jannar li għadda illi wliedha saru jafu bl-istorja kollha dwar dak ir-ritratt meta lemħu r-ritratt fuq serje tal-BBC  “The Girls: A Holocaust Safe House” u raw miktub l-ismijiet Ruth u Inge Adamecz.

F’April li għadda, Inge rnexxielha tiltaqa’ ma’ wlied Hanna fl-Imperial War Museum, Londra, fejn l-istess ritratt dam għall-wiri għal iktar minn 20 sena.
“Inge hija persuna speċjali f’ħajjitna … lil ommna minn dejjem niftakarha ssemmi lil dawk iż-żewġt ibniet u l-fatt li rnexxielna niskopru min kienu naħseb li kienet importanti immens għaliha” qalet Debbie.

Ekonomija

Sport