F’dawn l-aħħar snin żdied ferm l-użu tal-e-scooter mhux biss madwar l-Ewropa kollha iżda wkoll f’Malta. Dan hu mezz tat-trasport konvenjenti minħabba li jiffranka l-użu tal-karozza filwaqt li xorta tasal fid-destinazzjoni tiegħek.
Ħafna minn dawn l-e-scooters jinxtraw bi prezz mhux daqstant għoli u ħafna minnhom jiċċarġjaw bl-elettriku.
Fl-aħħar xhur żdiedu wkoll dawk l-individwi li flok jixtru e-scooter, jiddeċiedu li jikruh. Bosta minnhom jinstabu f’postijiet turistiċi fosthom San Ġiljan, Tas-Sliema, Buġibba u l-Belt Valletta. Minkejja kollox, dan l-aħħar l-e-scooters infirxu madwar Malta u Għawdex kollu.
Bħal kull ħaġa oħra, ikun hemm min juża dan il-mezz tat-trasport ħażin. Spiss issib min jgħaddi min-nofs it-triq jew saħansitra jgħaddi wrong way. Oħrajn jgħaddu mill-bankini li normalment jintużaw min-nies mingħajr ma jagħti kas mill-veloċità li jkun għaddej biha. Agħar minn hekk, hawn min kif ilesti mill-e-scooter, jitilqu f’xi post fin-nofs mingħajr ma jqis li dan jista’ jkun ta’ żgumbrament jew periklu.
Dawn huma kollha inkonvenjenti li diversi ċittadini qed jiltaqgħu magħhom ta’ spiss. Aħna ħsibna biex inkellmu lil Patrick Pollacco li hu l-kap tal-infurzar fi ħdan Transport Malta.
Riċentement, il-gvern ippubblika liġi li biha din l-entità issa għandha d-dritt li tinforza l-liġi fuq dawn l-e-scooters l-istess bħalma jagħmlu l-pulizija u l-uffiċjali tal-komunità’.
“Sa fl-aħħar il-liġi tatna l-poteri sabiex ninfurzaw ċerti regoli li ejja ngħidu l-verita’ qed jiġu miksura. Dawn ir-regolamenti issa ġew applikabbli mhux biss għall-karozzi u l-muturi iżda wkoll għall-e-scooters.”
Pollacco irrikonoxxa li l-e-scooters hu mezz li ntogħġob min-nies f’dawn l-aħħar snin u li hu utilizzat sew. Madankollu wieħed irid jibbilanċja l-infurzar ma’ dan l-użu.
“Riċentement kellna niġbru madwar 140 scooter li ma kinux reġistrati mal-awtorità kif suppost jew inkella kellhom il-liċenzja skaduta. Dan fost ħafna ksur tar-regolamenti li kien hemm għaddej.”
“Minn hawn nixtieq nappella lil dawk li jużaw dan il-mezz tat-trasport sabiex jużaw bil-galbu u la jkunu ta’ periklu għas-sewwieqa fit-triq u wisq anqas għal dawk li jkunu qed jużaw il-bankina. Xi kultant naraw affarijiet li mhumiex aċċettabbli u għalhekk il-gvern speċjalment il-ministeru tat-trasport estenda dan l-infurzar anke ma’ Transport Malta.”
Patrick Pollacco appella wkoll għal sewqan bil-galbu u kif suppost matul il-lejl.
“Kif nafu bħalissa f’dawn ix-xhur qed jidlam kmieni u għalhekk bħala konsumaturi ta’ dan il-mezz tat-trasport, wieħed jew waħda għandu jew għandha tilbes ‘l hekk imsejħa High Visibility Vest, dawk is-sofor biex niftiehmu, sabiex matul il-lejl is-sewwieqa jaraw dawk li qed jużaw l-e-scooter.”
Pollacco qal li għalkemm mhux bilfors, iżda hu jissuġġerixxi li kull meta wieħed juża l-e-scooter, jilbes helmet li hu ferm importanti għax kapaċi jsalva l-ħajja ta’ bniedem. F’dawn l-aħħar xhur rajna diversi inċidenti ta’ nies jaqgħu jew inkella jaħbtu ma’ xi ħaġa u kien hemm min ġieli weġġa’ wkoll. Għalhekk il-prudenza hi ferm importanti f’dan ir-rigward.
“Irrid inżid ukoll li min isuq dan il-mezz tat-trasport u li għandu bejn 16 u 18-il sena, irid ikun liċenzjat. Il-liċenzja tista’ tapplika għaliha minn Transport Malta.”
Pollacco temm jgħid li se jkunu qed jinfurzaw sew il-liġijiet sabiex dan il-mezz tat-trasport ikun verament użat kif suppost. Huwa għalhekk li żdiedu anke l-multi u se jkomplu jagħmlu dan ma’ min verament ma tantx jagħti kas tar-regoli.
“Jekk kulħadd jaqsam it-triq jew il-bankina kif suppost, m’għandniex għalfejn nagħtu multi. Jekk kulħadd jimxi mar-regolamenti u jħallas il-liċenzja kif suppost, m’għandux ikollna problemi.”
“Għalhekk l-appell tiegħi hu sabiex nużaw dan il-mezz tat-trasport bl-aħjar mod sabiex nieħdu l-aħjar minnu mingħajr ma noħolqu problemi oħra.”