Saturday, December 28, 2024

Jista’ jeħel 20 sena ħabs wara li allegatament espona lilu nnifsu waqt titjira lejn New York

Aqra wkoll

Allegatament huwa rrifjuta li jilbes il-maskra, tefa landa tax-xorb lejn passiġġier u kixef il-warrani lil air hostess

Irlandiż li rrifjuta li jilbes maskra tal-Covid waqt titjira minn Dublin għal New York u kixef il-warrani lil air hostess jista’ jeħel sa 20 sena ħabs jekk jinstab ħati.

Dan intqal mid-dipartiment tal-ġustizzja tal-Istati Uniti nhar il-Ġimgħa.

Shane McInerney ta’ 29 sena minn Galway allegatament aġixxa ħażin fuq titjira tal-kumpanija Delta Airlines fis-7 ta’ Jannar.

Huwa deher quddiem imħallef fi New York ġimgħa wara u ġie mixli li intimida membru tal-ekwipaġġ.

Intqal kif is-suspettat ripetutament irrifjuta li jilbes il-maskra u tefa’ landa tax-xorb u laqat passiġġier f’rasu.

Kelliem għall-Qorti qal li jekk jinstab ħati ta’ dan, McInerney jista’ jiġi kkundannat 20 sena ħabs.

Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq pleġġ ta’ $20,000 hekk kif qed jistenna li jibda ġuri.

Fi stqarrija, il-kumpanija Delta qalet li għandha “tolleranza żero għal imġieba ħażina fl-ajruporti u abbord l-ajruplani tagħna peress li xejn mhu aktar importanti mis-sigurtà tan-nies tagħna u l-klijenti tagħna”.

Il-linji tal-ajru tal-Istati Uniti rrappurtaw aktar minn 5,000 inċident ta’ “imġieba ħażina tal-passiġġieri” is-sena li għaddiet – bi 3,600 kienu jinvolvu passiġġieri li allegatament irrifjutaw li jilbsu l-maskra.

Ekonomija

Sport