Friday, November 15, 2024

Jista’ jqum il-fattur jekk is-suspettat kienx “fi stat ta’ ġenn”

Aqra wkoll

Wara li l-Pulizija ssospendiet l-interrogazzjoni tagħha fuq il-persuna li allegatament huwa s-suspettat bil-qtil tal-Pollakka f’Tas-Sliema, jidher li dan il-każ se jkun wieħed komplikat billi jista’ jkun illi jqum il-fattur sabiex jiġi stabbilit jekk il-persuna suspettata kinitx taf x’qed tagħmel waqt il-ħin tad-delitt.

L-Orizzont tkellem mal-Avukat Herman Mula, dwar din iċ-ċirkostanza. Huwa qal li sabiex is-suspettat ikun jista’ jiġi interrogat, għandhom jinħatru esperti psikjatriċi sabiex jiċċertifikaw jekk l-istess persuna hijiex f’qagħda li tkompli tiġi interrogata mill-Pulizija fejn tali esperti ikun għaqli li jiġu nominati fl-Inkjesta Maġisterjali. 

Madankollu, il-Pulizija mistennija xorta waħda tressaq lis-suspettat il-Qorti u tixlih bid-delitt billi kollox jindika li għandha evidenza forensika biżżejjed biex tagħmel dan. Ta’ min jgħid li wieħed mix-xhieda importanti x’aktarx ikun il-persuna li semgħet lis-suspettat jgħid xi diskors waqt li kien qed joħroġ li s-suspettat mill-Knisja tal-Balluta wara li dan għamel xenata fl-istess Knisja. 

Dr Mula enfasizza li waħda miċ-ċirkostanzi li tista’ teżenta persuna mill-akkużi hija dik tal-insanità, jiġifieri jekk waqt id-delitt il-persuna kinitx taf x’qiegħda tagħmel  u kinitx f’qagħda li tagħraf il-ħażin mit-tajjeb. Skont l-istess espert legali, din iċ-ċirkostanza mhijiex waħda faċli li tiġi ppruvata. 

Huwa mifhum li l-Pulizija għandha każ b’saħħtu biex tkun tista’ tressaq din il-persuna l-Qorti.

Is-suspettat kien arrestat il-Ħadd filgħodu ftit ħin wara li l-vittma nstabet mejta fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema. Wara l-arrest, l-allegat suspettat ittieħed l-Isptar Mater Dei sabiex ikun invistat mit-tobba u hemmhekk ġie riferut għall-Isptar Monte Carmeli. Għalhekk, f’dan l-istadju, il-Pulizija kellha tissospendi l-interrogazzjonijiet tas-suspettat.

Il-vittma ġiet identifikata bħala Paulina Maria Dembska ta’ 29 sena. Hija kienet qiegħda toqgħod f’hostel f’Tas-Sliema u kienet Malta bħala studenta. 

L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ qegħdin jitmexxew mill-Pulizija tal-Iskwadra tal-Omiċidji u dawk tad-Distrett ta’ Tas-Sliema.

Ekonomija

Sport