Sunday, September 14, 2025

Jistaqsi hemmx xi kamikaze li għandu bżonn xogħol… dan b’riferenza għad-Desi Festival li għalih attendew għadd kbir ta’ Asjatiċi

….kummenti ta’ mibegħda li ma jistgħux jibqgħu jiġu injorati. Meta se jittieħdu azzjonijiet dwarhom?

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kien kumment li xxokkja lil ħafna dak miktub mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia. Jittella ritratt tad-Desi Festival imballat bin-nies imma imbagħad jinkiteb il-kumment ‘Malta tagħna ilkoll’ u wara l-kumment emoji ta’ xadin jgħatti wiċċu. Kien kumment li ħasad. Kif politiku jikteb kumment bħal dak. Kumment li ma tistax’ tħallieh għaddej. Kienu diversi dawk li kkummentaw.

Fuq is-sit soċjali ħassejt ukoll li għandi nwassallu l-messaġġ. Il-messaġġ kien ċar: “ma fhimtx x’inhi l-problema Adrian Delia. Mela l-kunċerti għall-Maltin biss? M’għandhomx dritt jattendu kunċert dawn li qegħdin jaħdmu fostna? Dawn li qegħdin jagħtuna servizz…bogħod minn familthom. M’għandhomx dritt l-Indjani u l-Pakistani jattendu l-kunċerti? M’għandhomx juru t-talenti tagħhom? Mela l-kultura issa saret bil-fruntieri? Għaliex ma kunċert li għalih attendew eluf ta nies …kulturi u nazzjonalitajiet differenti…niktbu Malta tagħna ilkoll u emoji ta’ xadin?. Onestament messaġġ li jħallik kważi bla kliem x’ħin tarah u ma tifhimx kif illum meta tant nenfasizzaw id-diversità u l-multikulturalizmu noħorġu b’messaġġi bħal dawn.”

It-tmexxija ġdida tal-Partit Nazzjonalista ma fetħitx ħalqha dwar dan. Ebda dikjarazzjoni. Għal xi ħin kien hemm battibekki bejn l-istess Adrian Delia u persuni li rreaġixxew għall-kumment.  Persuna tgħidlu x’hemm ħażin f’dak ir-ritratt tal-kunċert. Tgħidlu li dawk huma turisti u li hawn se jħallu l-flus. Delia jirreaħixxi lura u jgħidlu “turisti? Bis-serjeta!”. Wara reazzjoni negattiva għal kumment tiegħu, Adrian Delia, ġustament neħħa l-kumment u wara ddikjara li kien miżinterpretat. 

Spikkaw kummenti dispreġjattivi u ta’ mibegħda…

….kummenti li ma jistgħux jitħallew għaddejjin

Fuq is-siti soċjali kienu diversi dawk li tellgħu l-filmati tad-Desi Festival f’Ta’ Qali. Li segwa wara kien baraxx ta’ kummenti mill-aktar dispreġjattivi u ta’ mibegħda lejn l-Indjani.  Kellna min staqsa jekk hawnx xi kamikaze li għandu bżonn xogħol. Persuna oħra qalet li kieku għandha saħħa ma tħallix Indjan wieħed. Oħrajn iddeskrivewhom b’kummenti mill-aktar aggressivi. 

Bla dubju li dawn huma kummenti li wieħed ma jistax iħallihom għaddejjin. Huma kummenti li jinċitaw mibegħda razzjali u l-liġi dwarhom hi ċara ħafna. 

Il-liġi tgħid hekk: ull  min  juża  kwalunkwe  kliem  jew  imġiba  ta’ theddid, abbużivi jew insolenti, jew jesibixxi xi materjal miktub jew stampat li jkun ta’ theddid, abbużiv jew insolenti, jew xort’oħra jġib ruħu b’dak il-mod, bil-ħsieb li b’hekk iqajjem mibegħda jew vjolenza kontra xi persuna oħra jew grupp  ta’ persuni fuq bażi ta’ ġeneru, identità tal-ġeneru, orjentazzjoni sesswali, razza, kulur, lingwa, oriġinietnika, età, diżabilità, reliġjon jew twemmin jew opinjoni politika jew opinjoni oħra jew b’hekk joħloq il-probabbiltà li, meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi kollha, titqajjem tali vjolenza jew mibegħda, għand u jeħel, meta jinstab ħati, il-piena ta’ priġunerija minn sitt xhur  sa tmintax-il xahar:

Jaħdmu fostna u xogħlhom jagħmluh mill-qalb u b’passjoni

Waqt li fuq is-sit soċjali bdew jittellgħu kummenti negattivi u dispreġjattivi oħrajn għażlu li jwieġbu għalihom. Wieġbu għalihom billi tkellmu dwar l-esperjenza tagħhom mal-Indjani u persuni oħra Asjatiċi li jaħdmu f’pajjiżna. Spikkaw kummenti li rreferew għal fatt li dawn jagħmlu x-xogħol b’passjoni u mill-qalb.  Kienu diversi dawk li staqsew x’hemm ħażin li jsir kunċert u jattendu ħafna Asjatiċi. 

Kumment li spikka kien jgħid hekk:dak kien festival internazzjonali u dawk in-nies ħafna minnhom turisti.  L-Indjani f’Malta x’jagħmlu? Ħafna minnhom jaħdmu fil-qasam tas-saħħa! Jieħdu ħsieb l-anzjani tagħna għax kulħadd jaħdem dan iż-żmien. Min mit-tfal tagħna lest li jagħmel xogħolhom? Hemm min veru imma mhemmx biżżejjed biex inlaħħqu mad-domanda. Min lest li jibqa’ d-dar idur bil-ġenituri? Hemm min imma mhux kulħadd jiflaħ għal dan. Allura noqogħdu attenti u ma niġġenerizzawx għax apparti x-xogħol siewi li jagħmlu dawn in-nies, hemm il-fatt li jagħmluh bil-qalb u l-imħabba, jassimilaw u jintegraw mal-poplu tagħna”.

Filfatt ta’ min jgħid li l-komunità Indjana hi komunità li integrat sew f’pajjiżna, fejn b’mod regolari dawn ikollhom membri tagħhom li jagħmlu xogħol fil-komunità fosthom tindif jew xogħlijiet oħra fil-knejjes tagħna. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport